Deċiżjoni dwar ilment mill-Moviment Partijotti Maltin kontra PBS Ltd.
L-Awtorità kellha quddiemha ilment mill-Moviment Patrijottiċi Maltin kontra PBS Ltd datat 4 ta’ Jannar, 2017 dwar nuqqas ta’ rappurtaġġ ta’ stqarrija.
L-Awtorità semgħet lis-Sinjuri Simon Borg, Henry Battistino f’isem u in rappreżentanza tal-Moviment Patrijotti Maltin u lis-Sur Reno Bugeja editur u Kap tat-Taqsima tal-Aħbarijiet tal-PBS Ltd f’isem l-istess soċjetà, f’seduta li nżammet fis-16 ta’ Jannar, 2017.
Min-naħa tiegħu s-Sur Simon Borg qal li l-istqarrija kienet tirreferi għall-fatt li l-Gvern kien ser jalloka €93 miljun minn fondi Ewropej fuq is-sigurtà u l-migrazzjoni meta hawn Malta kien hemm 100,000 persuna fil-faqar. Żied li f’dan il-kuntest ta’ faqar, dan l-infieq ta’ flus kien eċċessiv u ma setgħax jifhem kif il-PBS Ltd ma ratx l-valur tal-aħbar, meta fl-istess ġurnata l-PBS kien irrapporta avvenimenti ta’ importanza ferm inqas.
Min-naħa tiegħu is-Sur Henry Battistino qal li l-istqarrija kien fiha erba’ talbiet importanti li fl-opinjoni tiegħu kienu ta’ valur t’aħbar u ħadd ma kien irrefera għalihom u ċioe, i) it-twaqqif tat-trattat ta’ Schengen, ii) jerġa’ jiġi attwat b’mod immedjat it-trattat ta’ Borg Olivier tal-1970, iii) isir referendum dwar l-integrazzjoni u iv) isir ċensiment tar-residenti attwali f’Malta u Għawdex. Żied li dwar it-talba għal referendum il-Moviment kien diġà ġabar 24,000 firma u dwar iċ-ċensiment il-Moviment kien qed jipproponi li dan isir kull 10 snin.
Is-Sur Borg semma numru ta’ attivitajiet tal-Moviment li ma ġewx irrappurtati mill-PBS Ltd.
Is-Sur Reno Bugeja qal li l-istqarrija tal-Moviment kienet bi tweġiba għal stqarrija tal-Gvern u peress li l-istazzjon ma kienx xandar l-istqarrija tal-Gvern dan ma setax ixandar l-istqarrija bi tweġiba tal-Moviment.
Is-Sur Bugeja qal li ma kienx minnu li l-istazzjon ma rrappurtax l-avvenimenti tal-Moviment u f’dan l-istadju ta xi eżempji.
Wara li l-Awtorità semgħet il-partijiet ikkunsidrat is-segwenti.
L-Att Dwar ix-Xandir jitkellem b’mod l-aktar ċar dwar akkuratezza u imparzjalità. Paragrafu 4.5 tal-Avviż Legali 350.14 dwar Ħtiġijiet Dwar Standards u Prattika Dwar Bulletini tal-Aħbarijiet u programmi ta’ Ġrajjiet Kurrenti jitlob li xandar irid jagħmel ħaqq lill-medda sħiħa ta’ fehmiet u perspettivi li fihom jinstemgħu fehmiet opposti.
Fl-istess waqt, hekk kif huwa ben risaput u rikonoxxut, l-għażla dwar dak li jikkostitwixxi valur t’aħbar hija fid-diskrezzjoni tal-Editur, u l-Awtorità dejjem irrispettat u fittxet li tħares dan id-dritt. F’dan il-kuntest u fiċ-ċirkostanzi tal-każ in kwistjoni l-Awtorità ddeċiediet li l-ilment ma jirriżultax u għalhekk ma tħossx li għandha tintervjeni.
Illum 20 ta’Jannar, 2017