Radju Malta - Għandi xi Ngħid - 29 t’April 2017




Deċiżjoni dwar Ilment mill-Moviment Patrijotti Maltin rigward il-programm Għandi Xi Ngħid tad-29 t’April 2017

L-Awtorità kellha quddiemha ilment mill-Moviment Patrijotti Maltin (MPM) kontra PBS Ltd datat 2 ta’ Mejju 2017 rigwardanti l-programm Għandi xi Ngħid li xxandar fuq Radju Malta nhar is-Sibt 29 ta’ April, 2017. Il-Moviment qal li għal dan il-programm il-preżentatur kien stieden lill-partiti politiċi kollha minbarra lil Moviment Patrijotti Maltin u dan kien meqjus bħala abbuż flagranti li ħoloq żbilanċ politiku. In oltre fl-ittra tiegħu l-Moviment ikkwota siltiet minn dak li qal il-preżentatur Dr Andrew Azzopardi u ċioe li ma kienx se jkun hemm interventi mis-Sur Henry Battistino f’isem il-Moviment Patrijotti Maltin għax huwa ma kienx jaqbel mal-mod kif dan il-Moviment iħares lejn in-nies minn nazzjonalitajiet differenti u kellu problema meta dawn jitkellmu “fuq dawn il-pożizzjonijiet”. Il-Moviment talab azzjoni raġonevoli minn naħa tal-istazzjon akkumpanjata b’apoloġija uffiċjali mingħand il-preżentatur u qal li kien qed jirriserva d-dritt ukoll għal risposta fuq il-programm Għandi xi Ngħid.

L-Awtorità semgħet lis-Sinjuri Norman Scicluna, u Alex Darmanin f’isem u in rappreżentanza tal-Moviment Patrijotti Maltin u lis-Sur Reno Bugeja Editur u Kap tat-Taqsima tal-Aħbarijiet tal-PBS Ltd u lill-Avukat Mark Vassallo f’isem l-istazzjon f’seduta li nżammet fid-9 ta’ Mejju, 2017.

Min-naħa tiegħu l-Moviment qal li kien infurmat li l-istazzjon kien ġibed l-attenzjoni tal-preżentatur u li dan kien wiegħed li kien ser jistieden rappreżentanti tal-Moviment meta jkun ser jixxandar programm simili. Żied li huwa kien talab apoloġija u bħala rimedju stedina fuq l-istess programm u dan wara li fil-programm in kwistjoni l-MPM kien l-unika partit li tħalla kompletament barra. Il-Moviment qal li l-kummenti li kien għamel il-preżentatur fil-konfront tal-MPM fl-istess programm kellhom jiġu mwieġba u ċċarati.

Min-naħa tiegħu l-istazzjon qal li kien minnu li l-istazzjon kien ġibed l-attenzjoni tal-preżentatur dwar dan il-każ, madanakollu l-istazzjon ma setax jobbliga lill-istess preżentatur jagħmel apoloġija. Żied li dan l-ilment kellu żewġ elementi u ċioe l-kwistjoni tal-bilanċ u l-ħtieġa ta’ kjarifika dwar kummenti li saru fl-istess programm.

L-istazzjon qal li dwar il-kwistjoni tal-bilanċ dan seta’ jkun ripristinat billi l-MPM jingħata ħin proporzjonali għall-istatura tiegħu u għalhekk ma kienx iħoss li dan kellu jkun mistieden jieħu sehem fi programm sħiħ waħdu iżda li jingħata u jkun allokat ħin fi programm bħal ma kien ġara fil-każ ta’ partiti oħra tal-istess statura. Żied li min-naħa l-oħra dwar il-kjarifika din setgħet issir fil-parametri tal-liġi u billi l-MPM jingħata dritt għal risposta li tinqara mill-preżentatur fil-bidu ta’ programm. L-istazzjon qal li kien ser josserva d-deċiżjoni tal-Awtoritá dwar ir-rimedju.

L-Awtoritá wara li ħadet konjizzjoni tas-sottomissjonijiet tal-partijiet qablet li l-ilment kien ġustifikat u li f’dan il-każ kien hemm żewġ elementi li kellhom jiġu indirizzati u ċioe l-kwistjoni ta’ żbilanċ fil-konfront tal-MPM u d-dritt għal risposta mill-istess Moviment. In vista ta’ dan l-Awtoritá dderiġiet li l-MPM kellu jingħata l-possibiltá li jagħmel intervent telefoniku ta’ ħames minuti fil-programm sussegwenti u in oltre jippreżenta lill-istazzjon dritt ta’ risposta fil-parametri tal-liġi li kellu jinqara mill-preżentatur fil-bidu tal-programm sussegwenti.

Dwar id-dritt ta’ risposta l-Awtoritá fakkret lill-MPM li dan kellu jindirizza esklussivament il-punti ta’ kontestazzjoni li kienu rriżultaw fl-imsemmi programm.

L-Awtorità ddiriġiet ukoll illi t-test tad-dritt ta’ risposta kellu jasal għand l-istazzjon u l-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità mhux aktar tard minn nofsinhar tal-Ħamis 11 ta’ Mejju 2017.


Illum 10 ta’ Mejju, 2017