PBS - Partit Laburista - 19 ta' Mejju 2017




Deċiżjoni dwar ilment mill-Partit Laburista kontra PBS Ltd rigward il-Bulettin tal-Aħbarijiet ta’ TVM tad-19 ta’ Mejju 2017


L-Awtorità kellha quddiemha lment mill-Partit Laburista datat 22 ta’ Mejju 2017 rigward l-Aħbaijiet ta’ TVM tad-19 ta’ Mejju 2017. Il-Partit Laburista ilmenta dwar il-fatt li waqt kollegament telefoniku mill-attivita’ tal-Partit Nazzjonalista fl-Imġarr Malta il-ġurnalist tal-PBS Ltd uża l-kliem ‘storja xokkanti’ li skont il-Partit kien jikkostitwixxi kummentarju politiku hekk kif l-istess ġurnalist għamel tiegħu il-kliem tal-Kap tal-Oppożizzjoni waqt l-istess attivita’. Skond il-Partit dan kien nuqqas serju u kien jimmerita rimedju.

L-Awtorità semgħet lis-Sur Nigel Vella, f’isem u in rappreżentanza tal-Partit Laburista li kien akkumpanjat minn Dr Stefan Zrinzo Azzopardi u lis-Sur Reno Bugeja, Editur u Kap Taqsima tal-Aħbarijiet tal-PBS Ltd, li kien assistit minn Dr Mark Vassallo f’isem u in rappreżentanza ta’ PBS Ltd f’seduta li nżammet fl-24 ta’ Mejju 2017.

Is-Sur Vella qal li l-użu tal-kelma ‘xokkanti’ kellha konnotazzjoni politika u ġurnalist ma setgħa qatt jagħmel tiegħu kumment ta’ kelliem. Żied li l-fatt li dan il-kliem intuża mill-Kap tal-Oppożizzjoni ma kienx jikkostitwixxi stat ta’ fatt. Is-Sur Vella qal li dan l-ilment kien simili għal ieħor riċenti li kien sar mill-Partit Nazzjonalista u li kien hemm diġa deċiżjoni tal-Awtorita’ dwar kummenti li jiġu attribwiti u kummenti li jikkostitwixxu stat ta’ fatt.

Minn naħa tiegħu s-Sur Reno Bugeja qal li jekk wieħed janalizza sewwa dak li qal il-ġurnalist fis-servizz isib li fil-fatt il-kliem użat u kontestat kien preċedut mill-frażi ‘hu qal’ u għalhekk il-kumment kien attribwit korrettament lill-Kap tal-Oppożizzjoni. Żied li f’dan il-każ wieħed setgħa possibilment jirrileva illi l-frażi tal-ġurnalist kienet xi ftit maħtufa madanakollu dan il-fattur ma kellux jimpingi fuq il-korrettezza tar-rappurtaġġ.

Dr Stefan Zrinzo Azzopardi qal li t-telespettatur ma kellux il-faċilita’ li janalizza jew jivverifika mill-ġdid dak li jkun intqal mill-ġurnalist fis-servizz u dan ifisser li għat-telespettatur dan kien assuma wisq bħala tiegħu il-kumment in kwistjoni.

L-Awtorita’ ħadet konjizzjoni tas-sottomissjonijiet tal-partijiet u rat id-dokumentazzjoni relattiva u ddeċidiet li l-ilment ma kienx jirriżulta u għalhekk ma kellux jintlaqa’.

Illum 12 ta’ Ġunju, 2017