PBS - Partit Laburista - 20 ta' Mejju 2017




Deċiżjoni dwar ilment mill-Partit Laburista kontra PBS Ltd rigward il-Bulettin tal-Aħbarijiet ta’ TVM tal-20 ta’ Mejju 2017


L-Awtorità kellha quddiemha lment mill-Partit Laburista datat 22 ta’ Mejju 2017 rigward l-Aħbaijiet ta’ TVM tal-20 ta’ Mejju 2017. Il-Partit Laburista ilmenta dwar il-fatt li servizzi tal-Aħbarijiet tal-Partit Laburista u tal-Partit Nazzjonalista fil-ġurnata in kwistjoni ma kellhomx l-istess durata u fil-fatt is-servizz dwar il-Partit Laburista kien twil 2 minuti u 21 sekonda filwaqt li dak tal-Partit Nazzjonalista kien twil 2 minuti u 43 sekonda.

L-Awtorità semgħet lis-Sur Nigel Vella, f’isem u in rappreżentanza tal-Partit Laburista li kien akkumpanjat minn Dr Stefan Zrinzo Azzopardi u lis-Sur Reno Bugeja, Editur u Kap Taqsima tal-Aħbarijiet tal-PBS Ltd, li kien assistit minn Dr Mark Vassallo f’isem u in rappreżentanza ta’ PBS Ltd f’seduta li nżammet fl-24 ta’ Mejju 2017.

Is-Sur Vella qal li filwaqt li kien jifhem il-pożizzjoni u r-risposta tal-istazzjon għal dan l-ilment saħaq li dan l-ilment kien intenzjonat sabiex jissottolinea il-ħtieġa li partikolarment waqt kampanja elettorali din id-diskrepanza ma ssirx waħda sistematika, u sabiex il-pożizzjoni tal-Partit dwar każi bħal dawn tkun formalizzata.

Minn naħa tiegħu s-Sur Reno Bugeja qal li hekk kif kien indika fir-risposta tiegħu l-istazzjon kien qed jagħmel l-almu tiegħu sabiex is-servizzi bejn wieħed u ieħor ikunu, tal-istess ħin, madanakollu dan mhux dejjem kien possibbli. Żied li l-attivitajiet in kwistjoni kienu ta’ natura differenti u minn naħa tiegħu l-istazzjon kellu jara li jippreżenta lit-telespettaturi rapport fidil tal-attivita u li jwassal il-messaġġ b’mod korrett. Is-Sur Bugeja qal li kien hemm okkażjonijiet meta s-sitwazzjoni kienet differenti meta s-servizzi tal-Partit Laburista kienu itwal minn dawk tal-Partit Nazzjonalista.

L-Awtorita’ ħadet konjizzjoni tas-sottomissjonijiet tal-partijiet u rat id-dokumentazzjoni relattiva u ddeċidiet li l-ilment ma kienx jirriżulta u għalhekk ma kellux jintlaqa’.

Illum 24 ta’ Mejju, 2017