Deċiżjoni dwar ilment mill-Partit Nazzjonalista kontra PBS Ltd rigward il-Bullettin tal-Aħbarijiet ta’ TVM tas-16 ta’ Mejju 2017
L-Awtorità kellha quddiemha lment mill-Partit Nazzjonalista datat 17 ta’ Mejju 2017 rigward l-Aħbaijiet ta’ TVM tas-16 ta’ Mejju 2017. Il-Partit Nazzjonalista lmenta dwar dak li sejjaħ tattika manipulattiva mill-Kamra tal-Aħbarijiet tal-PBS, meta dan naqas li jxandar it-tħabbir tal-kandidatura ta’ Dr Godfrey Farrugia u kif ukoll ix-xhieda fil-Qorti fil-każ tal-pagi mhux imħallsa tal-whistleblower fil-każ ta’ Egrant, kontra Pilatus Bank.
L-Awtorità semgħet lis-Sur Matthew Bonett, Direttur Informazzjoni f’isem u in rappreżentanza tal-Partit Nazzjonalista u lis-Sur Reno Bugeja, Editur u Kap Taqsima tal-Aħbarijiet tal-PBS Ltd, li kien assistit minn Dr Mark Vassallo f’isem u in rappreżentanza ta’ PBS Ltd f’seduta li nżammet fid-19 ta’ Mejju 2017.
Is-Sur Bonett, filwaqt li talab spjegazzjoni dwar in-nuqqas tal-istazzjon li jirrapporta din ix-xhieda meta din kienet ta’ importanza sinjifikanti fix-xenarju politiku preżenti waqt kampanja elettorali, saħaq li l-istazzjon pubbliku kellu l-obbligu li ma jagħmilx gatekeeping u din ix-xhieda kellha tiġi rrappurtata in vista tal-allegazzjoni dwar il-kumpannija Egrant.
Minn naħa tiegħu Dr Mark Vassallo qal li l-kaz li għalih qed jirreferi l-ilment ma kellux x’jaqsam mal-inkjesta dwar il-kumpannija Egrant izda kien każ personali u privat dwar ħlas ta’ paga li ma kellux valur t’aħbar.
Dr Vassallo qal li wieħed ma setgħax jippretendi li kull ma tagħmel il-whistleblower għandu valur t’aħbar. Żied li minn naħa l-oħra l-istazzjon kien irrapporta b’mod sħiħ dak kollu li l-whistleblower qalet b’konnessjoni mal-inkjesta dwar Egrant. Dr Vassallo qal li l-każ in kwistjoni kien għadu subjudice u għalhekk ma kellu l-ebda effett fuq partit politiku sakemm kien għadu inkonkluż.
Is-Sur Matthew Bonett qal li l-aġir tal-istazzjon f’dan il-kaz ma kienx konsistenti mal-aġir tal-istazzjon f’każi oħra simili. Żied li l-istazzjon kien qal li dan kien każ privat meta fl-istess waqt xandar dak li qal il-Prim Ministru li din il-persuna kienet ġiet akkuzata bi frodi, żied li in oltre l-istazzjon kien irrapporta wkoll b’mod estensiv il-proċeduri fil-każ tar-raġel ta’ Giovanna Debono meta dan kien għadu wkoll subjudice.
Is-Sur Bonett qal li ma kienx hemm dubbju li f’dan il-kaz kien hemm valur t’aħbar u dan kien konfermat mill-fatt li l-istess proċeduri ġew rappurtati b’mod estensiv mill-portals kollha tal-aħbarijiet. Żied li minħabba l-inkjesta dwar il-kumpannija Egrant dak li jkun għaddej fil-Qorti u li jinvolvi l-whistleblower kellu jkun rappurtat.
L-Awtorità kkunsidrat is-sottomissjonijiet tal-partijiet u rat id-dokumentazzjoni relattiva u kkonstatat li l-mument li l-persuna in kwistjoni għażlet li tkun whistleblower fil-każ dwar il-kumpannija Egrant din daħlet fil-kontroversja politika, u sa ċertu punt irrinunzjat għall-ħajja privata u saret suġġett ta’ interess pubbliku u għaldaqstant ix-xhieda tagħha fil-Qorti f’dan il-każ kellha importanza u valur t’aħbar. In oltre, l-Awtorità nnutat li l-istazzjon ma pprevediex li mill-istess xhieda setgħu ħarġu elementi ta’ interess pubbliku. In vista ta’ dawn il-konsiderazzjonijiet l-Awtorità ddeċidiet li l-ilment kien ġustifikat, madanakollu ma kienitx tħoss li kien hemm lok għal rimedju.
Illum 19 ta’ Mejju, 2017