PBS - Partit Nazzjonalista - 19 ta' Mejju 2017




Deċiżjoni dwar ilment mill-Partit Nazzjonalista kontra PBS Ltd rigward il-Bulettin tal-Aħbarijiet ta’ TVM tad-19 ta’ Mejju 2017


L-Awtorità kellha quddiemha lment mill-Partit Nazzjonalista datat 20 ta’ Mejju 2017 rigward l-Aħbarijiet ta’ TVM tad-19 ta’ Mejju 2017. Il-Partit Nazzjonalista ilmenta dwar servizz tal-aħbarijiet dwar konferenza tal-aħbarijiet li saret minn Dr Joseph Muscat fejn irrefera għall-provi li kien ippreżenta Dr Simon Busuttil dwar tixħim u ħasil ta’ flus bejn Keith Schembri u Adrian Hillman bħala provi dwar il-kumpanija Egrant li skont il-partit kienet skorrettezza u ‘gidba sfaċċata’ tal-istazzjon.

L-Awtorità semgħet lis-Sur Matthew Bonett, Direttur Informazzjoni f’isem u in rappreżentanza tal-Partit Nazzjonalista u lis-Sur Reno Bugeja, Editur u Kap Taqsima tal-Aħbarijiet tal-PBS Ltd, li kien assistit minn Dr Mark Vassallo f’isem u in rappreżentanza ta’ PBS Ltd f’seduta li nżammet fl-24 ta’ Mejju 2017.

Is-Sur Bonett ikkontenda li fir-rapport dwar din il-konferenza tal-aħbarijiet l-istazzjon irrapporta skorrettezza meta domanda lil Dr Joseph Muscat kienet attribwita lill-ġurnalist tal-istazzjoni meta din kienet fil-fatt saret minn ġurnalist ieħor u in oltre l-iskript kien jindika b’mod żbaljat li d-domanda kienet saret dwar il-provi li kien ippreżenta Dr Simon Busuttil dwar il-kumpannija Egrant. Żied li l-Awtorita’ kienet diġa ddeċidiet dwar każ simili u dwar l-użu ta’ frażijiet mill-istazzjon li ma kienux feliċi iżda li jgħatu wkoll tifsira mhux veritiera.

Is-Sur Bonett qal li minħabba dan in-nuqqas ma kienitx saret ġustizzja mat-telespettaturi għax ġew ippreżentati b’fatti li kienu skorretti. Żied li wieħed ma kienx jifhem kif l-iskript kien jagħmel referenza għall-kumpanija Egrant meta din ma kienitx issemmiet.

Minn naħa tiegħu Dr Mark Vassallo qal li dan ma kienx ilment simili għal ieħor li diġa kienet iddeċidiet fuqu l-Awtorita’. Żied li kuntrarjament għal dak li kien ġara preċedentement l-istazzjon ma kienx ser jikkonċedi u jammetti n-nuqqas, u dan għaliex fattwalment is-servizz kien korrett u bħala stat ta’ fatt il-Kap tal-Oppożizzjoni kien ippreżenta provi fil-każ tal-kumpanija Egrant.

Dr Vassallo qal li apparti dan l-istazzjon ma waqafx f’dan is-servizz iżda fir-rapport ta’ wara irrefera għar-rejazzjoni ta’ Dr Simon Busuttil dwar il-kumpanija Egrant u għalhekk fl-assjem dan is-servizz kien komplut.

L-Awtorita’ ħadet konjizzjoni tas-sottomissjonijiet tal-partijiet u rat id-dokumentazzjoni relattiva u ddeċidiet li l-ilment ma kienx jirriżulta u għalhekk ma kellux jintlaqa’.

Illum 12 ta’ Ġunju, 2017