Deċiżjoni dwar ilment mill-Partit Nazzjonalista kontra PBS Ltd rigward l-aħbarijiet ta’ TVM tat-3 ta’ Mejju 2017
L-Awtorità kellha quddiemha ilment mill-Partit Nazzjonalista datat 6 ta’ Mejju 2017 rigward il-bulettin tal-aħbarijiet ta’ TVM tat-3 ta’ Mejju 2017 dwar l-użu ta’ verbi u tattiċi fir-rapport tal-aħbarijiet li skond il-partit kienu intiżi sabiex is-semmiegħ/telespettatur ikun ikkundizzjonat fil-ħsieb tiegħu u għaldaqstant talab rimedju.
L-Awtorità semgħet lil Dr Francis Zammit Dimech u lis-Sur Matthew Bonnett, Direttur Informazzjoni f’isem u in rappreżentanza tal-Partit Nazzjonalista u lis-Sur Reno Bugeja, Editur u Kap Taqsima tal-Aħbarijiet tal-PBS Ltd, li kien assistit minn Dr Mark Vassallo f’isem u in rappreżentanza ta’ PBS Ltd f’seduta li nżammet fid-9 ta’ Mejju 2017.
Minn naħa tiegħu Dr Francis Zammit Dimech filwaqt li rrefera għal numru ta’ istanzi, ilmenta għal fatt li f’dan ir-rapport u oħrajn kienu intużaw verbi u tattiċi oħra li kellhom l-iskop li jaffettwaw negattivament il-kontenut u jikkundizzjonaw lis-semmiegħa u t-telespettaturi. Żied li f’sitwazzjoni bħal dawn fejn ikun qed isir rapport dwar każ serju stazzjonijiet Ewropej kienu jfittxu li jottjeni l-informazzjoni u jinvestigaw huma stess u mhux joqogħdu fuq dak li jintqal minn ħaddieħor.
Dr Francis Zammit Dimech ikkontenda li allura u fin-nuqqas ta’ dan, l-istazzjon kellu jirrapporta fedelment dak li jkun intqal bl-istess enfasi u mhux jipprova jnaqqas is-saħħa u l-valur tal-kontenut. Żied li jrid ikun hemm deċiżjonijiet ċari u linji gwida ċari sabiex messaġġ politiku jiġi rrapurtat bl-enfasi u t-ton li tkun saret għax inkella l-istazzjon ikun qed jagħmel ġudizzju.
Minn naħa tiegħu Dr Mark Vassallo qal li ma kienx ser jidħol fuq dak li ġie rappurtat fis-servizz għax dan kien joħroġ ċar mit-traskrizzjoni tiegħu. Żied li r-rwol tal-Awtorità f’dan il-każ ma kienx li din tidħol u tissostitwixxi ruħha għall-editur tal-istazzjon, iżda li tidħol biex tħares l-imparzjalita’.
Dr Mark Vassallo qal li f’dan il-każ kien qed isir ilment dwar l-użu tal-verbi f’rapport meta l-istazzjon ma setax jivverifika l-fatti u qed jintalab li l-Awtorità tidħol u tinvestiga ukoll dan l-aspett tar-rapport. Żied li sakemm ma jkunx hemm nuqqasijiet serji dan ma kienx ir-rwol tal-Awtorità u din ma kelliex tintervjeni. Żied li fil-ġurnali biex issir distinzjoni bejn il-fatti u rappurtar ta’ dak li jkun ingħad minn ħaddieħor kien isir użu minn teknika partikolari li ma setgħetx tintuża fuq ix-xandir.
Dr Mark Vassallo filwaqt li saħaq li fir-rapporti tiegħu ma kienx hemm distinzjoni bejn naħa u oħra, qal li l-Awtorità kellha tara jekk kienx hemm prova ta’ aġir sistematiku fuq perjodu ta’ żmien.
L-Awtorità wara li ħadet konjizzjoni tas-sottomissjoniiet tal-partijiet u rat id-dokumentazzjoni relattiva iddeċidiet li l-ilment ma kienx jirriżulta.
Madanakollu l-Awtorità irrilevat u ħadet l-opportunità sabiex tfakkar lill-Edituri tal-Aħbarijiet kollha fl-obbligu li jkunu dejjem aktar sensittivi fl-għażla tal-kliem li jintuża fir-rapporti tal-Aħbarijiet partikolarment fi żmien ta’ Kampanja Elettorali.
Illum 10 ta’ Mejju, 2017