Deċiżjoni rigward ilment imressaq mis-Sur Mark Amaira kontra PBS Ltd rigward il-programm Popolin tas-26 ta’ Frar 2025 (Ref.12/15)
Il-Bord tal-Awtorità tax-Xandir kellu quddiemu lment imressaq mis-Sur Mark Amaira kontra PBS Ltd rigward il-programm Popolin li xxandar nhar is-26 ta’ Frar 2025 fuq TVM.
L-ilment imressaq kien ibbażat fuq l-għażla tas-suġġett diskuss waqt il-programm fid-data msemmiha peress li skont l-ilmentatur il-programm naqas milli joħloq “dibattitu fl-interess pubbliku” u li matul dak il-perjodu kienet għaddejja l-kontroversja tas-serqa mill-Barracks tal-Armata. L-ilmentatur ta eżempji sabiex jissustanzja l-fatt li kien hemm nuqqas ċar ta’ interess pubbliku. Apparti minn hekk l-ilment kien ukoll ibbażat fuq il-fatt li sar reklamar dirett u mhux solleċitat għall-produzzjoni ta’ din il-poddata.
Fir-risposta tiegħu l-Inġ. Charles Dalli, editur ta’ PBS Ltd, spjega li t-tema diskussa kienet dwar jek iċ-ċajt goff għandux limitu jew le. Qal li l-fatt li s-Sur Mark Amaira wera nuqqas ta’ qbil mat-tema ma tfissirx li hemm lok għal ilment kif ukoll li l-kontenut imsemmi, ċioè s-siltiet mill-poddata, ma kienx imxandar.
Il-Bord tal-Awtorità tax-Xandir organizza s-smigħ għal nhar it-3 t’April 2025, li kien differit għal nhar l-24 t’April 2025 wara rikjesta miż-żewġ partijiet. Dan is-smigħ reġa’ ġie differit għal nhar il-5 ta’ Mejju 2025 fejn kien hemm preżenti s-Sur Mark Amaira u għall-PBS il-Kap Eżekuttiv is-Sur Keith Chetcuti, il-preżentatur is-Sur Quinton Scerri, il-Kap tal-Aħbarijiet is-Sur Owen Galea u r-rappreżentant legali tal-PBS Dr Shaun Zammit.
Matul is-smigħ al-5 ta’ Mejju 2025, is-Sur Amaira spjega li f’din l-edizzjoni tal-programm Popolin tas-26 ta’ Frar, il-PBS uża waħda mill-prattiċi ta’ reklamar indirett, fejn matul kontroversja li kienet tirrigwarda s-serqa mill-Barracks tal-Armata u li wasslet għas-sejħa tar-riżenja tal-Ministru Byron Camilleri, l-PBS ma ddiskutiex din is-sitwazzjoni mwiegħra hekk kif deskritta minn ex-Imħallef, iżda ddiskuta tema dwar ‘ċajt goff’. Qal li l-karatteristiċi ta’ ċajta ma jiddeċidiehomx il-PBS u kompla jispjega li l-istazzjon nazzjonali xandar clips mill-poddata, bl-ismijiet tal-parteċipanti kollha li kienu jinkludu l-istess preżentatur tal-poddata u b’referenza għall-isem tal-poddata. Qal li saru referenzi għal kontenut intiż għal udjenza matura u li minkejja li l-produzzjoni saret online, ma kellha qatt tiġi riprodotta fuq ix-xandir nazzjonali u pubbliku, aktar u aktar mingħajr avviż adekwat. Spjega li din il-clip ġiet imxandra ġo filmat u nnega r-risposta tal-Inġ. Charles Dalli li fiha qal li l-materjal riferit ma ġiex imxandar fejn ta anke eżempji esebiti fl-ilment oriġinali mibgħut lix-xandar.
Is-Sur Quinton Scerri, preżentatur ta’ Popolin, wieġeb li dakinhar il-programm bidel il-kontenut oriġinali li kien fuq il-karnival u ddiskuta kontroversja li kienet inħolqot permezz ta’ din il-poddata. Qal li fl-istudio xxandru xi siltiet qosra tal-poddota fil-bidu tal-programm u biex iqajjem id-diskussjoni fl-istudion dwar jekk dan kienx black humour jew offiża. Qal ukoll li waqt il-programm ma saret ebda referenza għal xi kontenut ieħor marbut ma’ din il-poddata u ġie diskuss il-kumment bi kliem li seta’ kien vulgari jew mhux aċċetabbli li jixxandar fuq ix-xandir maqtugħ mill-istss silta tal-poddata li dehret. Qalet li l-PBS xorta waħda ddiskuts din il-kontroversja minkejja li skont is-Sur Quinton Scerri toffri kompetizzjoni mal-istess programm.
Dr Shaun Zammit, avukat għal PBS Ltd, qal li ma kienx hemm ħtieġa ta’ avviż ta’ kontenut għall-adulti l-għaliex matul il-programm ma ntqalx diskors li jimmerita dan. Il-kliem ġew ċċensurati mill-istazzjon.
Is-Sur Mark Amaira rrisponda li ma għandux problema bil-black humour iżda ċaħad li l-PBS huwa kompetitur mal-poddata. Qal li kieku veru kompetituri, il-PBS ma kienx jagħtihom spazju fuq l-istess pjattaforma. Kompla li l-PBS (i) ma ċaħadx li kien sar reklam, (ii) li b’differenza għal sitwazzjonijiet preċedenti, s-Sur Quinton Scerri ammetta li xxandru ftit sekondi mill-poddata u għalhekk kienet saret konnessjoni, kif ukoll (iii) li din id-diskussjoni ma kellhiex tinqeda bil-kuntest b’dan il-mod l-għaliex skond hu x-xandar għandu jkollu kriterji speċifiċi.
Dr Shaun Zammit argumenta li l-intiża tal-programm kienet dwar jekk Malta taċettax dark humour. Qal li minkejja li diversi nies ikkritikaw dan, min-naħa ta’ programm innifsu ma jistax jingħad li l-programm kien vulgari.
Is-Sur Mark Amaira temm l-intervent tiegħu billi wera ritratt (still shot) ippreżentat fl-ilment oriġinali ndirizzat lix-xandar fejn qal li ż-żewġ logos, ċioè dak tal-poddata kif ukoll ta’ TVM, ma jmorrux flimkien.
Wara li l-partijiet ħallew is-seduta l-Bord għadda sabiex jiddiskuti l-materjal u l-argumenti mressqa.
Il-Bord innota li filwaqt li l-mertu ta’ dan l-ilment ma kienx il-kontenut tal-poddata fl-intier tiegħu. Il-Bord innota wkoll li lanqas ma ntwera kliem mhux xieraq jew vulgari waqt ix-xandir tal-programm. Madankollu nnota wkoll l-aspett viżiv ta’ promozzjoni ta’ dan il-podotta li jirriżulta għal reklamar seta’ jiġi faċilment evitat. Għalhekk il-Bord laqa’ l-ilment imressaq mis-Sur Mark Amaira u bħala rimedju qed jordna lill-PBS Ltd ixandar dan is-sunt fil-bidu tal-ewwel programm Popolin skedat mid-data ta’ din id-deċiżjoni:-
“Il-Bord tal-Awtorità tax-Xandir laqa’ in parti lment imressaq mis-Sur Mark Amaira kontra PBS Ltd dwar xandira tas-26 ta’ Frar 2025 dwar il-programm Popolin, matul liema programm ixxandret silta minn servizz awdjo-viżiv li kienet tinkludi logo tal-istess servizz u li konsegwentement il-Bord qies bħala referenza pubbliċitarja jew promozzjoni tal-istess servizz. Il-Bord tal-Awtorità tax-xandir qies li l-qari ta’ dan is-sunt huwa mistenni minn PBS bħala rimedju”.
Smigħ 4_25
Ref.: 12/25
12 ta’ Mejju 2025