PBS - Popolin - 29 ta' Novembru 2023




Deċiżjoni dwar l-ilment imressaq mis-Sur Andrew Mangion kontra PBS rigward promozzjoni tal-programm Popolin tad-29 ta’ Novembru 2023  

 

 

L-Awtorità ġiet rikjesta tappunta s-smigħ wara li l-partijiet ikkomunikaw bejniethom hekk kif titlob il-L.S.350.06. Matul din il-kommunikazzjoni s-Sur Andrew Mangion kiteb li qiegħda tintwera promozzjoni tal-programm Popolin li, permezz tagħha, kien muri ritratt ta’ martu Eleanor Mangion Walker, bħala persuna li kienet għamlet rapport dwar vjolenza domestika. Is-Sur Andrew Mangion spjega li huwa qiegħed jiġi mixli bl-omiċidju tagħha u sostna li permezz tal-promozzjoni, TVM u l-programm ‘Popolin’ kienu qegħdin jaggravawh u jimmalafamawh għax il-mara tiegħu qatt ma għamlet rapporti ta’ vjolenza domestika kif il-promozzjoni kienet qed talludi bi ħsara lejn ir-reputazzjoni tiegħu f’każ sub-judice. Hu nsista li s-Sinjura Eleanor Mangion Walker qatt ma kienet għamlet rapport lill-pulizija kontra tiegħu u talab lill-istazzjon PBS sabiex ineħħi r-ritratt tagħha.

 

Fl-1 ta’ Diċembru 2023, is-Sur Andrew Mangion kiteb lill-Awtorità tax-Xandir b’talba sabiex il-Bord jappunta data għas-smigħ. Il-Bord appunta dan is-smigħ għall-11 ta’ Jannar 2024.

 

Matul dan is-smigħ is-Sur Andrew Mangion kien assistit mis-Sur Simon Dalton filwaqt li għall-istazzjon PBS dehru l-Inġ. Charles Dalli u l-avukat Dr Shaun Zammit.

 

Is-Sur Simon Dalton qal li fil-promozzjoni tal-programm intqal li s-Sinjura Eleanor Mangion Walker qatt ma għamlet rapporti lill-pulizija dwar vjolenza domestika u li l-każ kien sub-judice. Qal li n-nisa l-oħra murija fl-istess promozzjoni kienu għamlu rapport lill-pulizija, minbarra s-Sinjura Eleanor Mangion Walker.

 

L-Inġ. Dalli, editur tal-istazzjon nazzjonali, wieġeb li din l-informazzjoni ttieħdet minn risposta uffiċjali għal mistoqsija parlamentari u ppreżenta kopja ta’ din it-tweġiba. Qal ukoll li l-linja editorjali ma għandhiex issib ostakli u kkonferma li l-istazzjon ħa azzjoni mmedjata billi fit-tieni verżjoni tal-promozzjoni tal-programm sar tibdil abbażi ta' dak mitlub mil-lanjant.

 

Il-Bord wera l-promozzjoni li s-Sur Andrew Mangion kien qed jilmenta dwarha. Ix-xandar ġie wkoll mistoqsi mill-Bord jekk is-Sur Andrew Mangion kellux xi forma ta’ risposta mill-PBS. Ir-risposta tal-Inġ. Chales Dalli kienet fil-pożittiv.

 

Is-Sur Simon Dalton irrimarka li omiċidju u vjolenza domestika huma żewġ reati kompletament diversi filwaqt li l-Inġ. Charles Dalli tenna li l-programm kien strettament fuq vjolenza domestika.

 

Iċ-Chairperson qara r-risposta għal din il-mistoqsija parlamentari, mwieġba mill-Onor. Michael Falzon, li fiha kien hemm inkluża s-Sinjura Eleanor Mangion Walker. 

 

Wara li l-partijiet ikkonkludew il-veduti tagħhom u ppreżentaw il-fatti, il-Bord għadda sabiex jikkunsidra dan l-ilment. Il-Bord innota li l-kunċett ta’ vjolenza domestika huwa wiesa’ ħafna u li l-femiċidju huwa forma ta’ vjolenza assoluta. Innutat ukoll li l-istazzjon għamel il-kambjamenti rikjesti fl-immedjat wara li rċieva l-ilment. Għal dawn ir-raġunijiet il-Bord ma laqax l-ilment.

 

 

 

22 ta’ Jannar 2024

Smigħ 01/2024 Numru 6

Ref: 95/23