PBS - Popolin - 6 ta' Mejju 2026




Ilment mill-Partit Nazzjonalista vs PBS Ltd rigward Popolin tas-6 ta’ Mejju 2026

Il-Bord tal-Awtorità tax-Xandir kellu quddiemu lment imressaq mill-Partit Nazzjonalista nhar it-13 ta’ Mejju 2026 kontra PBS dwar il-programm Popolin ta’ nhar is-6 ta’ Mejju 2026.

Il-Bord organizza smigħ b’urġenza għal nhar l-14 ta’ Mejju 2026 li matulu attendew is-Sur Joseph Mizzi bħala konsulent għall-Partit Nazzjonalista assistit minn Dr Michael Piccinino bħala rappreżentant legali. Għall-istazzjon PBS dehru r-rappreżentant legali Dr Mark Vassallo, is-Sur Quinton Scerri bħala preżentatur ta’ Popolin, l-Inġ. Charles Dalli bħala editur, is-Sur Owen Galea, Kap tal-Aħbarijiet kif ukoll l-Inġ. Keith Chetcuti bħala CEO li ngħaqad b’mod virtwali għal din is-seduta.

Is-Sur Joseph Mizzi spjega li l-programm in kwistjoni tas-6 ta’ Mejju 2026 kien fih ħafna elementi li matulu l-mistiedna tal-istudio ma ħassux li ġew trattati bl-istess mod fis-sens li kien hemm iżjed grilling fuq mistiedna tal-Partit Nazzjonalista minn dawk tal-Partit Laburista. Qal li ma jiddejjaqx li jkun hemm ċerta grilling però kompla li dan irid ikun ġust u ugwali ma’ kulħadd fejn l-onus huwa akbar fuq ix-xandar tal-Istat. Semma wkoll il-paġna tal-facebook ta’ Popolin u qal li l-għażla tal-kliem fil-caption f’waħda mill-posts tal-programm ma kinitx ġusta.

Dr Michael Piccinino kompla li wieħed jifhem li dak li jittella’ fuq il-mezzi soċjali mhux taħt il-kompetenza tal-Bord iżda li dan l-ilment mhux dwar il-mezzi soċjali.

Is-Sur Quinton Scerri wieġeb li ma jaqbilx ma’ dak li ntqal għax xogħolu hu li jagħmel grilling finalment. Ċaħad li sar grilling iżjed fuq naħa milli fuq oħra. Dwar il-frażi u l-għażla tal-kliem fuq wegħda ta’ pompa tal-petrol f’nofs il-Mediterran, ppreżenta screenshot, mill-programm fejn hu qal li beda jargumenta ma’ kandidat tal-Partit Nazzjonalista fejn semma wkoll il-kliem “terminal” u “hub” li ttieħdu mid-diskors tal-Kap tal-Oppożizzjoni. Semma wkoll clip b’dak li qal Dr Alex Borg u qal li dan issemma wkoll fuq Times of Malta. Vis-à-vis l-argumenti l-oħrajn qal li hu beda jikkwota informazzjoni li kienet ġejja minn sorsi internazzjonali mhux lokali li forsi seta’ jkun bias, fosthom International Association of Ports and Habours. Qal li wara li spiċċa l-kumment tal-Partit Nazzjonalista, hu staqsa mistoqsija lill-kandidat tal-Partit Laburista fejn stiednu jissostanzja dak li semma l-Prim Ministru. Spjega li hemmhekk kien konfrontattiv iżjed u dwarha sab clip li ġiet mismugħa mill-Bord. Qal li fil-programm kien hemm numru ta’ istanzi oħra marbuta mal-proposti li kien hemm. Kien ukoll konfrontattiv ma’ kandidat tal-Partit Laburista fejn argumenta dwar proposta li kienet saret mill-istess partit.

Is-Sur Joseph Mizzi rribatta li mill-press conference ta’ Dr Alex Borg li damet madwar  siegħa, hux possibbli li l-unika sound bite tkun pompa tal-petrol fil-Mediterran. Għamel referenza għat-Times of Malta li ssemmiet mis-Sur Quinton Scerri u kompla li l-gazzetta tat iżjed informazzjoni, fil-fatt ikkwalifikat it-titlu.

L-Inġ. Charles Dalli ikkummenta dwar il-kelma “pompa tal-Mediterran” u qal li din intqalet minn Dr Alex Borg innifsu u kienet imsemmija wkoll minn Times of Malta.

Is-Sur Quinton Scerri qal ukoll li l-esponent tal-Partit Nazzjonalista ingħata ċ-ċans li jispjega. Iżda s-Sur Joseph Mizzi qal li se jkollhom jaqblu li mhux qed jaqblu għaliex kompla jinsisti li ma kienx minnu li mexa b’mod ġust mal-kelliema tal-Partit Nazzjonalista.

Wara li l-partijiet ħallew is-smigħ il-Bord għadda sabiex jiddiskuti s-sottomissjonijiet.

Il-Bord qabel li ma jilqax l-ilment peress li jemmen li l-preżentatur kien ugwali fil-konfront tal-esponenti mistiedna u ma sab ebda żbilanċ fix-xandira lmentata.

 

 

Smigħ 4_26 Ilment 4

Ref.: 08/26

19 ta’ Mejju 2026