PBS - Reporter - 14 ta' Marzu 2016




Ilment Imressaq minn Alleanza Bidla rigward il-Programm ‘Reporter’

L-Awtorità kellha quddiemha lment mill-Partit Alleanza Bidla rigward il-programm Reporter li jixxandar fuq PBS, in partikolari l-edizzjoni tal-14 ta’ Marzu 2016 li trattat il-ħtieġa tat-tielet partit politiku u fejn il-Partit Alleanza Bidla ma kienx mistieden.

L-Awtorità semgħet lis-Sur Ivan Grech Mintoff għan-nom u fl-interess tal-Partit Alleanza Bidla kif ukoll lis-Sur Reno Bugeja bħala Editur tal-PBS u in rappreżentanza tal-istess u lis-Sur Saviour Balzan bħala produttur tal-programm.

Is-Sur Ivan Grech Mintoff ikkontenda li huwa ben risaput illi l-Partit Alleanza Bidla issa huwa stabbilit u għandu veduti li jvarjaw minn dawk taż-żewġ partiti l-kbar. Żied li minkejja li kienu diversi l-okkazzjonijiet fejn il-Partit ippreżenta reazzjoni u l-pożizzjoni tiegħu f’forma ta’ stqarrijiet għall-istampa, xorta baqa’ jiġi eskluż u kien hemm bias fil-konfront tiegħu.

Is-Sur Grech Mintoff qal li l-istazzjon kien jagħmel distinzjoni bejn reazzjoni ġejja mill-Partit Alleanza Bidla u reazzjoni mill-partiti l-oħra, u dan bl-argument li tal-Partit Alleanza Bidla ma tkunx newsworthy. Żied li l-Kostituzzjoni ma kienitx tagħmel distinzjoni bejn partiti, u għalhekk fil-każ tal-edizzjoni tal-programm in kwistjoni (14 Marzu 2016), l-Alleanza Bidla kellu jkun mistieden. Is-Sur Grech Mintoff qal li permezz ta’ dan l-ilment il-partit kien qed jitlob biss li jkun trattat bħal partiti oħra u mhux jibqa’ jiġi kompletament injorat.

Is-Sur Reno Bugeja qal li kontrarjament għal dak li qal is-Sur Grech Mintoff ma kienx konxju li l-partit kellu opinjoni dwar spettru wiesgħa ta’ argumenti. Żied li minn żewġ stediniet mill-produtturi tal-programm Xarabank il-partit kien għażel li jaċċetta waħda.
Is-Sur Bugeja qal li ma kienx jaqbel li l-Partit Alleanza Bidla jippretendi li f’kuntest lil hinn minn kampanja elettorali, ikun trattat bħal partiti kbar. Żied li diskussjoni dwar il-possibiltà tat-tielet partit trid issir ma’ nies ġodda.

Is-Sur Saviour Balzan qal li kien hemm diversi okkazzjonijiet fejn iddeċieda li jħalli nies barra minn xi edizzjoni tal-programm. Żied li dan ma kienx ifisser li mhux ser ikun hemm xi okkazzjoni fejn il-Partit ikun mistieden u jkollu l-opportunità li jsemma l-vuċi tiegħu. Is-Sur Balzan qal li madankollu huwa ma kienx lest jipproduċi programm biex jaġevola lil xi partit politiku minn ieħor.

L-Awtorità, wara li ħadet konjizzjoni tas-sottomissjonijiet tal-partijiet u ddiskutiet il-każ, iddeċidiet li l-programm ma kienx irriżulta li kien żbilanċjat. Madankollu kien rakkomandabbli li kemm jista’ jkun u fejn it-tema tal-programm tippermetti, l-istazzjon kellu jara li jiġu ppreżentati l-veduti kollha u l-opinjonijiet varji skont il-każ. L-Awtorità in oltre irrilevat illi din ir-rakkomandazzjoni ma kienet tagħti l-ebda dritt awtomatiku ta’ rappreżentanza jew parteċipazzjoni fi programmi fuq il-midja.

Illum 22 t’April, 2016