PBS - Repubblika - 19 ta' Ottubru 2019




IIment minn Repubblika kontra PBS Ltd

L-Awtorità kellha quddiemha ilment minn Repubblika kontra PBS Ltd datat 19 ta’ Ottubru 2019, rigwardanti r-rappurtaġġ magħmul minn Television Malta u Radju Malta fir-rigward tad-dimostrazzjoni tas-16 ta’ Ottubru 2019 bl-isem “Verità u Ġustizzja” f’għeluq is-sentejn mill-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

L-Awtorità semgħet lil Dr Robert Aquilina u l-Professur Vicki Ann Cremona f’isem Repubblika li kienu assistiti minn Dr Karol Aquilina u lis-Sur Reno Bugeja Editur ta’ PBS Ltd, f’seduta li nżammet fis-27 ta’ Novembru, 2019.

Dr Karol Aquilina qal li fl-imsemmi rappurtaġġ Television Malta u Radju Malta affermaw li “Għexieren ta’ persuni attendew dimostrazzjoni fil-Belt...” anke jekk dan kien jikkuntrasta bil-kbir mal-fatt li għad-dimostrazzjoni attendew eluf.

Dr Aquilina qal li l-istazzjon kien ammetta li r-rappurtaġġ dwar l-attendenza ma kienx sar b’mod korrett. Għaldaqstant Repubblika u s-Sur Reno Bugeja ftehmu li kellha ssir rettifika tal-affermazzjoni ta’ Television Malta u Radju Malta.

Dr Aquilina qal li fil-bulettin ta’ nofsinhar ta’ Radju Malta ta’ nhar it-18 ta’ Ottubru 2019 l-istazzjon attribwixxa r-rettifika lill-Għaqda Repubblika u dan ma kienx jirrifletti l-ilment u ma kienx jikkostitwixxi rettifika jew korrezzjoni għax permezz tar-rapport ngħatat l-impressjoni li l-PBS baqa’ jisħaq fuq il-verżjoni oriġinali jew inkella, li l-awtorevolezza li biha l-istazzjon kien semma l-kelma “għexieren” fl-ewwel rapportaġġ, issa ma ngħatatx peress li l-kelma “eluf” ġiet attribwita lill-għaqda stess.

Min-naħa tiegħu is-Sur Reno Bugeja qal li huwa kien irrikonoxxa li r-rapport oriġinali seta’ sar aħjar b’mod partikolari peress li l-ġurnalisti kellhom struzzjonijiet li fir-rapporti tagħhom ma’ jsemmux u/jew ma’ jagħtux indikazzjoni ta’ numri jew kwantita’. Żied li skont hu dan il-każ kien meqjus magħluq għax l-istazzjon kien ikkoreġa l-iskript tiegħu meta ntqal “B’referenza għar-rappurtaġġ mxandar fil-bullettin tal-bieraħ dwar il-mixja għall-verità u l-ġustizzja bħala parti mill-attivatijiet tas-sentejn mill-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, l-Għaqda Repubblika qalet li l-attendenza kienet ta’ madwar erbat elef persuna u mhux kif intqal f’rappurtaġġ tal-PBS li ddeskriva l-miġemgħa bħala għexieren ta’ nies”.

Is-Sur Bugeja saħaq li l-istazzjon kien aċċetta t-talba għal rettifika u fil-fatt l-akkadut ġie spjegat aħjar f’bulettin sussegwenti meta r-rettifika ġiet attribwita lil Repubblika. Is-Sur Bugeja għalhekk qal li ma kienx hemm lok għal rettifika ulterjuri.

L-Awtorita’ ddiskutiet dan il-każ u s-sottomissjonijiet tal-partijiet u tenut kont tal-fatt li l-istazzjon PBS kien ikkonferma u rrikonoxxa li r-rapportaġġ oriġinali seta’ sar aħjar, u li l-partijiet kienu, fir-rigward ta’ dak ir-rapportaġġ, ftehmu li ssir rettifika, kif ukoll tenut kont tal-fatt li l-istazzjon ipprova jirrimedja, l-Awtorita’ tqis li m’hemmx lok għal rettifika ta’ rettifika, u għalhekk tiddeċiedi li ma’ tieħux konjizzjoni aktar ta’ dan l-ilment.

29 Novembru, 2019