PBS - Repubblika - 5 ta' Novembru 2019




Deċiżjoni dwar l-Ilment mis-Soċjetà Repubblika ‘A Civil Society Movement’

L-Awtorità kellha quddiemha ilment minn Repubblika kontra PBS Ltd datat 5 ta’ Novembru 2019, rigwardanti r-rappurtaġġ ta’ deċiżjoni tal-Qorti fl-aħbarijiet ta’ Radju Malta u TVM nhar l-4 ta’ Novembru 2019 li ordnat li ssir referenza lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea dwar il-ħatra tal-membri tal-ġudikatura f’Malta u dan f’kawża magħmula minn Repubblika.

L-Awtorità semgħet lil Dr Robert Aquilina u l-Professur Vicki Ann Cremona f’isem Repubblika li kienu assistiti minn Dr Karol Aquilina u lis-Sur Reno Bugeja Editur ta’ PBS Ltd, f’seduta li nżammet fis-27 ta’ Novembru, 2019.

Dr Karol Aquilina qal li fl-4 ta’ Novembru 2019 il-Qorti ħadet deċiżjoni f’kawża magħmula minn Repubblika biex il-każ dwar il-ħatriet tal-ġudikatura jitressaq għall-verdett tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja.

Dr Aquilina qal li bħala parti mir-rapport l-istazzjon minkejja li Repubblika kienet ħarġet stqarrija għall-istampa b’reazzjoni għal din id-deċiżjoni tal-Qorti, Television Malta u Radju Malta, fir-rappurtaġġ tagħhom ta’ din id-deċiżjoni, filwaqt li rrappurtaw ir-reazzjoni tal-Kap tal-Oppożizzjoni, tal-Partit Laburista, u d-deċiżjoni tal-Avukat Ġenerali li kien ser jappella d-deċiżjoni, naqsu għal kollox milli jirrapurtaw l-istqarrija ta’ Repubblika.

Żied li b’dan il-mod l-istazzjon naqas milli jippreżenta l-veduti tal-għaqda li fil-fatt kienet għamlet il-kawża u għalhekk dan l-aġir kien inaċċettabbli f’soċjetà demokratika u jammonta għal ċensura u diskriminazzjoni kontra Repubblika.

Minn naħa tiegħu s-Sur Reno Bugeja, qal li l-istazzjon ma kien jara l-ebda valur ta’ aħbar fl-istqarrija ta’ Repubblika u in oltre huwa fiċ-ċirkostanzi in eżami huwa kien mexa mal-linji Gwida interni tal-istazzjon. Żied li l-kummenti politiċi kienu jsiru mill-partiti politiċi u l-istazzjon f’dan il-każ kien irrapporta d-digriet inkwistjoni.

L-Awtorità ddiskutiet dan il-każ u s-sottomissjoinijiet tal-partijiet u tħoss li fir-rappurtaġġ tad-deċiżjonijiet tal-Qorti l-istazzjon għandu diskrezzjoni editorjali liema diskrezzjoni editorjali hija f’idejn l-editur tal-istess stazzjon. Minn naħa l-oħra fejn ikun hemm kummenti jew stqarrijiet politiċi dwar l-istess deċiżjonijiet l-istazzjon għandu jqis il-kummenti u/jew veduti kollha maħruġa. Jidher li f’dan il-każ filwaqt li fis-sustanza il-mertu kien ġie rappurtat, il-kummenti politiċi tal-Għaqda Repubblika tħallew barra u għaldaqstant l-Awtorità jidhrilha li l-ilment huwa ġustifikat. L-Awtorità madanakollu hija tal-fehma illi stante li fiċ-ċirkostanzi preżenti l-veduti tas-soċjetà ċivili ġew ampjament rappurtati qed tiddeċiedi li ma’ tagħti l-ebda rimedju.

Illum, 29 ta’ Novembru, 2019