PBS - Spots - 27 ta' Ġunju 2025




Deċiżjoni rigward ilment imressaq mill-Life Network Foundation datat 27 ta’ Ġunju 2025 kontra PBS Ltd rigward kampanja ta’ spots dwar l-ewtanasja assistita

 

Il-Bord tal-Awtorità tax-Xandir kellu quddiemu lment imressaq mil-Life Network Foundation (“LNF”) kontra PBS Ltd nhar is-27 ta’ Ġunju 2025 dwar kampanja ta’ reklami dwar l-ewtanasja assistita. Is-smigħ kien skedat għat-3 ta’ Lulju 2025 iżda ġie differit għall-10 ta’ Lulju 2025 fuq rikjesta minn PBS Ltd.

 

Għal dan is-smigħ attendew is-Sur Tonio Fenech għal LNF, assistit mill-avukat Dr Paul Borg Olivier. Għal PBS Ltd dehru l-Inġ Keith Chetcuti, Kap Eżekuttiv, l-Inġ. Charles Dalli bħala l-Editur tal-istazzjon, is-Sur Owen Galea bħala Head of News u l-avukat Dr Mark Vassallo bħala r-rappreżentant legali tal-istazzjon.

 

Dr Paul Borg Olivier qal li f’dan l-ilment LNF qed titkellem dwar obbligu Kostituzzjonali tal-imparzjalità li jiġu mxandra veduti opposti dwar materja kontroversjali, industrijali u ta’ policy nazzjonali. Qal li f’din l-inkwadratura, l-ewtanasja ċertament tifforma parti minn din il-kontroversja. Kompla li fid-diskussjoni li ssir PBS għandu l-obbligu li mhux biss l-aħbarijiet ikunu bbilanċjati u jirrapreżentaw iż-żewġ ideat iżda l-PBS għandu obbligu naxxenti mill-Art.119 tal-Kostituzzjoni u mill-Artikoli kollha ta’ S.L. 350.14, minkejja li l-Gvern għadda r-reklami lill-PBS biex ixandarhom bħala xandar pubbliku, taħt Artikli ċitati mill-Kap 350, il-PBS trid tara li tagħti l-opportunità liż-żewġ naħat tal-munita fejn tiċċentra d-diskussjoni u l-PBS għandu obbligu li jagħti l-istess spazju lil kulħadd bla limitazzjoni. Qal li  d-diskussjoni matura ta’ konsultazzjoni pubblika tkun limitata għall-forum li joffri l-Gvern iżda wkoll fuq il-forum u spazju li joffri PBS u dan a bażi tal-prinċipju ta’ equality of arms u li għandu jkun hemm spazju għal kulħadd. Kompla li l-PBS m’għandux jieħu pożizzjoni editorjali fuq materja ta’ Art.119 tal-Kostituzzjoni limitata fuq bażi ta’ annunzjar pubbliku iżda r-reklami jridu jkunu imparzjali u bbilanċjati. Ikkonkluda li r-reklami jistabbilixu fait  accomplit peress li l-Gvern qed jgħid li dieħla l-ewtanasja bil-kundizzjonijiet imsemmija. Spjega li l-Gvern qed jgħid li dieħla l-ewtanasja volontarja u l-konsultazzjoni hija biss fuq il-metodu tal-applikazzjoni tal-ewtanasja mhux fuq jekk għandhiex tidħol jew le. Spjega li mill-punt 654 tal-mandat elettorali, l-ispots mistennija li joħolqu diskussjoni mhux limitazzjoni. Spjega li PBS huwa regolatur tiegħu stess u għalhekk minkejja li dawn huma spots tal-Gvern, irid jiġi mħares l-element tal-bilanċ u mparzjalità. Stieden ukoll lill-Bord jara l-ispots sabiex jiddeċiedi humiex b’mod fin jistieden lis-semmiegħ f’pożizzjoni waħda. Saħaq li minkejja li għalaq il-perjodu konsultattiv, ma għalaqx il-perjodu ta’ dibattitu. Għalhekk qal li għad hemm l-opportunità li l-verzjoni favur il-ħajja u kontra l-ewtanasja volontarja tibqa’ fis-seħħ.

 

Fis-seduta ta’ smigħ, ix-xandar sejjaħ lis-Sur Reno Bugeja, rappreżentat mis-Segretarjat tal-Ugwaljanza u r-Riformi, bħala xhud. Dr Mark Vassallo staqsieh dwar l-irwol tiegħu, bis-Sur Reno Bugeja jispjega li qiegħed jagħti sehmu fi ħdan is-Segretarjat tas-Segretarju Parlamentari Rebecca Buttigieg u li hu ħadem fuq din il-konsultazzjoni pubblika. Qal li qatt ma kien hemm konsultazzjoni pubblika li fiha kien hemm daqshekk feedback u dan peress li rċevew madwar 15,000 reazzjoni li jridu jiġu mwieġba kollha.  Qal li t-taħlita ta’ opinjonijiet kienet varjata ħafna u li ma hemmx proposta leġiżlattiva iżda konsultazzjoni pubblika u li l-pass li jmiss hija li ssir l-analiżi u wara jiddeċiedu l-politikanti. Ikkonferma li l-PSA hija marbuta mal-konsultazzjoni pubblika.

 

Dr Paul Borg Olivier staqsa lir-Sur Reno Bugeja jekk is-sottomissjonijiet humiex se jieħdu xhur. Is-Sur Reno Bugeja qal li ma kienx hemm timeframe speċifikat u li wieġeb ukoll li ma rax kull stqarrija rċevuta.

 

Mistoqsi minn Dr Paul Borg Olivier jekk fuq PBS kienx hemm biss reklami speċifiċi, is-Sur Reno Bugeja wieġeb li kien hemm kampanja ta’ informazzjoni permezz ta’ reklami. Qal li hu kien jaf x’fihom dawn ir-reklami u li għalih kienu informazzjoni. Spjega li f’dan l-istadju mhemmx abbozz ta’ liġi. Ikkonkluda li f’dan l-istadju allura wieħed irid joqgħod fuq il-prinċipji li huma fuq il-prinċipji tal-ewtanasja assistita.  Mistoqsi dwar l-ispots preżentati, is-Sur Reno Bugeja qal li dawn ir-reklami qed jimxu skont il-parametri tad-diskussjoni. F’dan l-istadju Dr Paul Borg Olivier staqsa lill-PBS dwar jekk il-public service agreement (PSA) hux skadut, bl-Inġ. Charles Dalli jikkonferma u jgħid li qed jiġi diskuss preżentament.

 

Fit-tweġiba tiegħu, bħala r-rappreżentant legali tax-xandar, Dr Mark Vassallo qal li hawnhekk qed jiġi mitkellem suġġett daqs li kieku għaddejjin minn xi elezzjoni. Qal li dan mhux minnu l-għaliex id-diskussjoni hija dwar proposta elettorali li saret fil-manifest elettorali tal-Partit Laburista li wasslet għal konsultazzjoni pubblika u m’għandha x’taqsam xejn mal-Partiti. Tenna li l-obbligu ta’ PBS huwa li jxandar l-ispots li kienu qed jistiednu għal diskussjoni pubblika u kompla li PBS ma jxandarx l-ispots u jieqaf hemm u li filwaqt li dan huwa obbligu ta’ PBS li mhux biss stabbilit iżda ilu jsir ukoll snin, il-PBS jara li jkun hemm diskussjoni bilanċjata. Saħaq ukoll li l-Gvern qed iwassal il-veduti tiegħu dwar l-ispots bil-parametri suġġeriti. Iżda PBS kien qed imur lil’hinn u joħloq diskussjoni fejn matulha tkellmu esponenti favur u kontra. Qal li l-Bord irid jara il-messaġġ u l-kuntest fl-assjem kollu u spjega li l-pożizzjoni tal-‘LE’ mhix rappreżentata mhux biss mill-LNF iżda wkoll minn entitajiet u persuni oħra u li dawn jinkwadraw ukoll f’Artiklu 119 tal-Kostituzzjoni. Dwar l-ispots reġa’ semma’ li dawn trattaw il-fatti kif imressqa mill-Gvern. In segwitu, qal li PBS żamm dejjem bilanċ billi xandar mill-ispectrum kollu tal-opinjonijiet għaliex spjega li l-liġi tirtatta dwar imparzjalità dovuta u għalhekk wieħed irid jara l-veduti kollha fl-assjem kollu ta’ xandir tal-PBS.

 

Wara li l-partijiet ħallew is-seduta, il-Bord iddiskuta s-sottomissjonijiet tal-partijiet u ra wkoll it-traskrizzjoni tar-reklamar. Il-Bord sab li l-kliem użat kien wieħed li jirrifletti s-sitwazzjoni preżenti, jiġifieri li din il-materja qegħda għal konsultazzjoni pubblika, u għaldaqstant iħoss li dan is-suġġett u kontenut ta’ dawn ir-reklami jagħti lok għad-diskussjoni iżda ma għalqux bibien għal fehmiet oħra. Fil-fatt il-PBS fi programmar u kontenut ieħor jidher li ta spazju għall-veduti opposti u differenti dwar dan is-suġġett. Il-Bord jemmen li l-messaġġ tal-ispots ittieħed mid-dokument konsultattiv u ma kinux spots propogandistiċi iżda reklami bi stedina sabiex il-pubbliku jieħu sehem fil-konsultazzjoni pubbliku li kienet għaddejja.


Fid-dawl ta’ dan il-Bord mhux jilqa’ dan l-ilment.

 

Smigħ 6_25 Ilment 5

Ref.: 22/25

18 ta’ Lulju 2025