Deċiżjoni għal erba’ akkużi kontra PBS Ltd rigward xandir ta’ budget spots waqt trasmissjonijiet fuq TVM u TVM+ bejn is-27 ta’ Ottubru 2024 u t-3 ta’ Novembru 2024
- Akkuża 1 datata 28 ta’ Ottubru 2024 rigward trasmissjoni fuq TVM tas-27 ta’ Ottubru 2024 meta ntwera reklam bit-tema tal-baġit 2024 u ksur ta’ Artiklu 13 (2) (f) tal-Att dwar ix-Xandir
- Akkuża 2 datata 30 ta’ Ottubru 2024 rigward trasmissjoni fuq TVM u TVM+ tat-28 u tad-29 ta’ Ottubru 2024 meta ntwerew spots relatati mal-baġit 2025 u ksur ta’ Artiklu 13 (2) (f) tal-Att dwar ix-Xandir
- Akkuża 3 datata 6 ta’ Novembru 2024 rigward trasmissjoni ta’ TVM u TVM+ tal-1 ta’ Novembru 2024 meta ntwerew spots relatati mal-baġit 2025 u ksur ta’ Artiklu 15 tal-Att dwar ix-Xandir
- Akkuża 4 datata 6 ta’ Novembru 2024 rigward trasmissjoni ta’ TVM tat-3 ta’ Novembru 2024 meta ntwerew spots relatati mal-baġit 2025 u ksur ta’ Artiklu 15 tal-Att dwar ix-Xandir
Il-Bord tal-Awtorità tax-Xandir kellu erba’ akkużi mressqa kontra PBS Ltd dwar reklami bit-tema tal-Baġit 2025 li ntwerew fuq l-istazzjonijiet imsemmija hawn fuq f’jiem differenti matul ix-xhur ta’ Ottubru u Novembru 2024.
Il-Bord skeda s-smigħ tal-ewwel żewġ akkużi fit-30 t’Ottubru 2024 fejn ħames minuti qabel is-smigħ il-Bord irċieva kommunikat mir-rappreżentanti legali ta’ PBS Ltd li kien qed jinforma lill-Board li minħabba l-mandat ta’ inibizzjoni li ntlaqa’ proviżorjament mill-Qorti, kien qed jintalab differiment l-għaliex skont huma, l-Bord ma setax jisma’ l-ilmenti u l-akkużi minħabba l-possibbiltà ta’ leżjoni ta’ dritt fundamentali protett mill-Artiklu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem.
Is-smigħ ta’ dawn l-akkużi kif ukoll t’akkużi 3 u 4 kien skedat għat-18 ta’ Novembru 2024, madankollu l-Bord reġa’ ddiferixxa s-smigħ minħabba li lment preċedenti li nstema’ dakinhar eċċeda l-ħin allokat. Għalhekk organizza s-smigħ għall-20 ta’ Novembru 2024 li matulu l-ilment reġà eċċeda l-ħin allokat. Il-Bord organizza smigħ ieħor għall-5 ta’ Diċembru 2024 li ġie differit għall-11 ta’ Diċembru 2024 peress li l-Inġ. Charles Dalli (Editur PBS Ltd) ma setax jattendi.
Għas-smigħ dehru l-Inġ. Charles Dalli u l-Kap Eżekuttiv is-Sur Keith Chetcuti. Dr Mark Vassallo, rappreżentant legali ta’ PBS, ingħaqad b’mod virtwali. Matul is-smigħ tal-11 ta’ Diċembrru ġie maqbul li l-akkużi jiġu mismugħa flimkien.
Il-Kap Eżekuttiv ressqet l-ewwel akkuża li kienet datata 28 ta’ Ottubru u spjegat li din hija dwar spot relatat mal-baġit, deskritt bħala pre budget spot, liema spot kien imxandar il-Ħadd 27 t’Ottubru 2024, ċioè lejlet il-baġit 2025. Matul din it-trasmissjoni ixxandar għal diversi istanzi dan l-ispot ta’ qabel il-baġit u kien qed jirreklama t-tema tal-baġit. Qalet li dan l-ispot kien jikser Artiklu 13(2)(f) tal-Att dwar ix-xandir għax inħass li kien spot li jirrikjedi bilanċ għalih. Qalet li dan l-ispot ġie trasmess fuq TVM 6 darbiet f’temp ta’ sagħtejn u nofs ta’ trasmissjoni bl-ewwel wieħed qabel l-aħbarijiet tat-20:00. Dan l-ispot kien qed jitratta t-tagline tal-baġit u fl-aħħar tiegħu, għal madwar 30 sekonda deher il-Prim Ministru jgħaddi l-kummenti tiegħu.
Hekk kif il-Kap Eżekuttiv kienet se titratta t-tieni akkuża fil-konfront tal-PBS rigward xandir ta’ spots relatati mal-baġit, Dr Mark Vassallo, rappreżentant legali għal PBS, ikkummenta li kien qed jaqbel li l-akkużi jiġu trattati flimkien għaliex kienu dwar tema waħda u li wara l-ispot tal-pre budget kien hemm ukoll xandir ta’ spots oħra. Qal li l-mandat ta’ inibizzjoni mressaq mill-Partit Nazzjonalista, kien qed jinibixxi dak l-ispot partikolari (pre-budget spot). Qal li dawn l-ispots kienu jagħmlu parti mill-PSAs li l-Gvern kien intitolat li jitlob lill-PBS biex ixandar bħalma dejjem ġara fi snin preċedenti. Dr Mark Vassallo spjega li PBS għandu jxandar spots dwar il-baġit għax hemm irbit kuntrattwali u jeżisti wkoll obbligu li jwassal informazzjoni lill-pubbliku u qal li dawn ma ġewx prodotti mill-PBS. Qal li d-differenza bejn l-ewwel spot u l-oħrajn hi li l-ewwel wieħed ixxandar qabel l-avveniment, li huwa l-baġit. Qal ukoll li fl-ewwel spot kien hemm viżwal tal-Prim Ministru mentri fl-oħrajn kien hemm biss leħnu. Qal li l-Qorti inibiet lill-PBS milli xxandar dan l-ispot partikolari. Qal fil-fatt, dwar din l-akkuża qal li l-aħħar darba li xxandar kien qabel ġie notifikat ix-xandar bil-mandat. Il-PBS qabel li l-akkużi jinġabru għaliex is-sottomissjonijiet tagħhom huma l-istess. Dr Vassallo reġa’ qal li jixtieq jindirizza l-erba' akkużi f’daqqa.
Għaldaqstant il-Kap Eżekuttiv rreferiet għat-tieni akkuża (akkuża 2) datata 30 ta’ Ottubur 2024, u qalet li l-ispot ta’ qabel il-baġit reġa’ xxandar fit-trasmissjoni tat-28 t’Ottubru 2024, qabel bdiet ix-xandira speċjali tal-budget. Spjegat li fl-istess akkuża kien hemm ukoll akkuża għat-trasmissjoni tad-29 ta’ Ottubru dwar xandir ta’ Budget spot 2 (Ta’ Qali – outdoors) li xxandar għal diversi stanzi. Waqt is-sottomissjoni tagħha, kompliet li sa fejn taf hi l-mandat ma kienx jinibixxi spot partikolari iżda spots relatati mal-baġit.
Hawnhekk Dr Mark Vassallo minnufih ikkumenta u qal li jittama li din hija biss l-opinjoni tal-Kap Eżekuttiv u qal li din hija ta’ preġudizzju għall-PBS u jekk din hija l-opinjoni tal-Awtorità se jieqaf hawn. Huwa vverbalizza hekk:
Dr Mark Vassallo, għal PBS, jiddikjara illi tenut kont tal-kummenti illi għaddiet il-Kap Eżekuttiv, liema kummenti jistgħu ikunu ta’ preġudizzju għall-proċeduri li għaddejjin fil-preżent il-Qorti, PBS qed jitlob illi dawn l-ilmenti jinstemgħu wara li jkun determinat l-eżitu finali ta’ dawn il-proċeduri.
Wara l-verbal Dr Mark Vassallo iċċara ‘l-kummenti’, li dan kien qed jingħad għall-kummenti ta’ Dr Joanna Spiteri għaliex skont hu kienet għadha kif esprimiet fehma li l-mandat ta’ inibizzjoni jirreferi wkoll għal spots oħrajn apparti l-ewwel spot (pre budget spot).
Il-Bord wieġeb li s-CEO għandha obbligu li tressaq il-każ. Dr Mark Vassallo rrisponda li għandha obbligu li ma tikkummentax fuq affarijiet li qegħdin sub judice l-Qorti u nforma lill-PBS li se jissospendi s-smigħ. Ir-rappreżentanti tax-xandar u l-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tax-Xandir ħallew is-smigħ u l-Bord iddiskuta r-rikjesta ta’ Dr Mark Vassallo.
Ftit tal-minuti wara l-Bord reġa’ sejjaħ lill-partijiet fejn dehret biss il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tax-Xandir. Il-Bord qara d-deċiżjoni meħuda fir-rigward, ċioè:
Il-Bord tal-Awtorità tax-Xandir qies il-kummenti u r-rikjesti mressqa minn Dr Mark Vassallo għan-nom ta’ PBS. Dwar il-kumment mressqa mill-Kap Eżekuttiv matul l-ispjega tagħha l-Bord jirrileva li Dr Vassallo ippreċiża li kien kumment u mhux kummenti u mhux kummenti u ordna l-prosegwiment tal-każ.
Dwar ir-rikjesta ta’ posponiment inkwantu dawn il-proċeduri skont l-istazzjon jistgħu jinċidu fuq dawk preżentement pendenti ta’ disprezz quddiem il-Qorti, il-Bord jirrileva illi:
- 1. Il-proċeduri quddiem il-Bord tal-Awtorità tax-Xandir huma distinti u separati minn dawk quddiem il-Qorti Ċivili. Dan il-fatt huwa rikonuxxut u aċċettat mill-istazzjon stess.
- 2. Illi l-Bord qed jagħmel referenza wkoll għall-verbal tal-proċeduri ta’ disprezz li qed jagħmel referenza għalihom l-istess stazzjon, ċioè tal-25 ta’ Novembru 2024, li fihom l-istazzjon stess jissottometti lill-Qorti li “kull direttiva jew ordni mogħtija mill-Awtorità tax-Xandir lill-PBS hija għal kollox estranea minn dawn il-proċeduri”.
- 3. Illi l-Bord diġà kkonċeda biżżejjed posponimenti u aġġornamenti ta’ dawn il-proċeduri u għal dawn ir-raġunijiet kollha l-Bord ma jqisx li hemm lok li l-akkużi mertu tas-smigħ tal-lum għandhom jerġgħu jiġu differiti, jiċħad it-talba għall-posponiment tal-istess proċeduri u jordna l-prosegwiment”.
L-Awtorità informa lir-rappreżentanti tal-PBS b’din id-deċiżjoni.
Għaldaqstant il-Kap Eżekuttiv kompliet bis-sottomissjonijiet tagħha għall-akkużi l-oħra li kienu relatati mal-budget spots hekk kif mitluba mill-Bord tal-Awtorità.
Il-Kap Eżekuttiv qalet li t-tieni akkuża kienet maqsuma f’żewġ partijiet, bl-ewwel parti titratta x-xandir ta’ pre budget spot fuq TVM eżatt qabel ma bdiet ix-xandira tal-budget tat-28 ta’ Ottubru, u t-tieni parti titratta kienet dwar xandir ta’ baġit spot fit-trasmissjoni tad-29 ta’ Ottubru, liema spot kien intbagħat għand l-Awtorita li iżda kienet għadha ma tatx approvazzjoni jew le dwaru. Qalet li iżda x-xandiriet saru minkejja li kien għad mhemmx l-approvazzjoni tal-Awtorità. Qalet li dan kien jitratta budget spot (Spot 2 outdoors). Qalet ukoll li fit-30 ta’ Ottubru, -Awtorità ħarġet id-deċiżjoni li l-ispots kellhom jgħaddu għand l-Awtorità biex jiġu vetted, u dan l-ispot ma kienx approvat mill-Awtorità.
Rigward it-tielet u r-rabà akkuża l-Kap Eżekuttiv qalet huma differenti miż-żewġ akkużi preċedenti peress li jitrattaw ksur ta’ Artiklu 15 tal-Att dwar ix-Xandir. Dawn kienu dwar xandir ta’ budget spots riferiti bħala spot Ta’ Qali (saħħa mentali). Qalet li dawn kienu spots li ma ġewx approvati mill-Awtorità. Qalet li din l-akkuża datata 6 ta’ Novembru 2024 (akkuża 3) tirreferi għat-trasmissjoni tal-1 ta’ Novembru fejn ixxandru spots relatati mal-budget li iżda ma kellhomx l-approvazzjoni tal-Awtorità u minkejja dan il-PBS xorta waħda xandar dawn l-ispots. Qalet li dawn l-ispots, indikati bħala spots Ta’ Qali (saħħa mentali) ixxandru fuq TVM u fuq TVM+ f’diversi istanzi differenti.
Dwar ir-raba’ akkuża, spjegat li fis-7 ta’ Novembru il-Bord kien diġa ħa deċiżjoni fuq żewġ akkużi ta’ ksur ta’ Artiklu 15 relatati wkoll ma’ xandir ta’ budget spots wara li inħarġet akkuża fil-31 ta’ Ottubru u fl-4 ta’ Novembru. Qalet li simili għal dak il-każ, dawn iż-żewġ akkużi datati 6 ta’ Novembru (akkuża 3 u 4) kienu jitrattaw xandir ta’ budget spots li ma kinux approvati mill-Awtorità u li xxandru fuq TVM u TVM+ matul it-trasmissjoni tal-1 u u t-trasmissjoni ta’ TVM tat-3 ta’ Novembru 2024 rispettivament. Qalet li għaldaqstant kien hemm ksur ta’ Artiklu 15 tal-Att dwar ix-Xandir.
Wara li l-Kap Eżekuttiv irtirat mis-smigħ il-Bord għadda sabiex jiddeċiedi l-akkużi mressqa wara li ra s-sottomissjonijiet.
Il-Bord qed jilqa’ din l-ewwel akkuża (akkuża 1) datata 28 ta’ Ottubru u qed jimmulta lill-istazzjon multa ta’ Euro 1,160 skont Skeda 5 ta’ Kap.350 għall-ksur ta’ Art. 13(2)(f), stante li din il-materja diġà kienet diskussa matul ilment imressaq mill-Partit Nazzjonalista li ġie milqugħ mill-istess Bord. Din il-multa għandha titħallas entro sittin (60) jum mid-data ta’ din id-deċiżjoni.
Skont Art.14(7) ta’ Kap.350, il-Bord qed jordna l-qari tas-sunt matul il-bulettin tal-aħbarijiet fuq TVM fi żmien jumejn mid-data ta’ din id-deċiżjoni.
Is-sunt għandu jkun kif ġej:
“F'seduta li nżammet fil-11 ta’ Diċembru, il-Bord tal-Awtorità tax-Xandir sab lill-PBS ħati ta’ ksur ta’ Artiklu 13 (2) (f) tal-Att dwar ix-Xandir wara xandir ta’ spot relat mal-baġit fis-27 ta’ Ottubru. Għaldaqstant , il-PBS ġie mmultat is-somma ta’ EURO1,160, liema ammont jitħallas sittin jum mid-data tad-deċiżjoni”.
Il-Bord qed jilqa’ t-tieni akkuża (akkuża 2) datata 30 t’Ottubru 2024 u qed iwiddeb lill-istazzjon ai termini ta’ Art.41(4)(a) ta’ Kap.350, minħabba l-ispot tat-28 t’Ottubru 2024 li xxandar qabel il-baġit 2025, li kien jinkludi l-viżwali u kummenti tal-Prim Ministru, tali kontenut diġà kien misjub ħati mill-istess Bord li jikser Art. 13(2)(f) tal-Att dwar ix-xandir.
Il-Bord jaqbel li fiċ-ċirkostanzi x-xandar ma għandux ikun mogħti penali amministrattivi minħabba li kien hemm ukoll it-tieni parti tal-akkuża fejn fl-ilment tal-PN f’seduta separata l-Awtorità ma laqgħetx il-kontenut tal-ilment.
Skont Art.14(7) ta’ Kap.350, il-Bord qed jordna l-qari ta’ dan is-sunt matul il-bulettin tal-aħbarijiet fuq TVM fi żmien jumejn mid-data ta’ din id-deċiżjoni:-
“F'seduta li nżammet fil-11 ta’ Diċembru, il-Bord tal-Awtorità tax-Xandir sab lill-PBS ħati ta’ ksur ta’ Artiklu 13 (2) (f) tal-Att dwar ix-Xandir u In vista li kien hemm parti li kien hemm ksur u parti oħra ma kellhiex ksur, l- istazzjon instab ħati u l-akkuża ġiet milqugħa imma ingħata twiddiba”.
Il-Bord qed jilqa’ it-tielet akkuża (akkuża 3) datata 6 ta’ Novembru 2024 rigward trasmissjoni ta’ spots relatati mal-baġit fuq TVM u TVM+ fit-trasmissjoni tal-1 ta’ Novembru 2024 u qed jirrimarka li din l-akkuża kienet simili għal żewġ akkużi li x-xandar diġà nstab ħati dwarhom. Il-Bord qed jimponi piena amministrattiva fl-ammont ta’ Euro 4,660 skont Skeda 5 ta’ Kap.350 għall-ksur ta’ Art. 15, stante li din il-materja diġà kienet diskussa matul ilment imressaq mill-Partit Nazzjonalista li ġie milqugħ mill-istess Bord. Din is-somma għandha titħallas entro sittin (60) jum mid-data ta’ din id-deċiżjoni.
Il-Bord ordna l-qari tas-sunt matul il-bulettin tal-aħbarijiet fuq TVM fi żmien jumejn mid-data ta’ din id-deċiżjoni.
Skont Art.14(7) ta’ Kap.350, il-Bord qed jordna l-qari ta’ dan is-sunt matul il-bulettin tal-aħbarijiet fuq TVM fi żmien jumejn mid-data ta’ din id-deċiżjoni:-
“F'seduta li nżammet fil-11 ta’ Diċembru, il-Bord tal-Awtorità tax-Xandir sab lill-PBS ħati ta’ ksur tad-Direttiva maħruġa mill-Awtorità tax-Xandir tat-30 ta’ Ottubru, wara waqt it-trasmissjoni tal-1 ta’ Novembru, xandar spots relatati mal-baġit minħabba li x-xandir ta’ dawn l-ispots ma kinux approvati mill-Awtorità. Għalhekk il-PBS ġie mmultat is-somma ta’ EUR4,660 għal dan il- ksur, liema ammont irid jitħallas sittin jum mid-data tad-deċiżjoni”.
Il-Bord qed jilqa’ wkoll ir-raba’ akkuża (akkuża 4) datata 6 ta’ Novembru 2024 rigward xandir ta’ budget spots waqt it-trasmissjoni ta’ TVM tat-3 ta’ Novembru 2024 meta ntwerew spots relatati mal-baġit 2025. Il-Bord laqa’ din l-akkuża u jimponi piena amministrattiva fl-ammont ta’ Euro 4,660 skont Skeda 5 ta’ Kap.350 għall-ksur ta’ Art. 15, stante li din il-materja diġà kienet diskussa matul ilment imressaq mill-Partit Nazzjonalista li ġie milqugħ mill-istess Bord. Din is-somma għandha titħallas entro sittin (60) jum mid-data ta’ din id-deċiżjoni.
Il-Bord ordna l-qari tas-sunt matul il-bulettin tal-aħbarijiet fuq TVM fi żmien jumejn mid-data ta’ din id-deċiżjoni.
Skont Art.14(7) ta’ Kap.350, il-Bord qed jordna l-qari ta’ dan is-sunt matul il-bulettin tal-aħbarijiet fuq TVM fi żmien jumejn mid-data ta’ din id-deċiżjoni:-
“F'seduta li nżammet fil-11 ta’ Diċembru, il-Bord tal-Awtorità tax-Xandir sab lill-PBS ħati ta’ ksur tad-Direttiva maħruġa mill-Awtorità tax-Xandir tat-30 ta’ Ottubru, peress li waqt it-trasmissjoni tat-3 ta’ Novembru, il-PBS xandar spots relatati mal-baġit minkejja li x-xandir ta’ dawn l-ispots ma kinux approvati mill-Awtorità. Għalhekk il-PBS ġie mmultat is-somma ta’ EUR4,660 għal dan il-ksur, liema ammont jitħallas sittin jum mid-data tad-deċiżjoni”.
Ref: 65/01
Akkużi 1 sa 4
23 ta’ Diċembru 2024