PBS - Spots relatati mal-baġit 2025 - 31 ta' Ottubru 2024




Akkuża kontra PBS Ltd datata 4 ta’ Novembru 2024 rigward trasmissjoni tal-31 t’Ottubru 2024 meta ntwerew spots relatati mal-baġit 2025

 

L-Awtorità kellha quddiemha akkuża dwar spot relatat mal-baġit mingħajr l-approvazzjoni tal-Awtorità u li xxandar fil-31 t’Ottubru 2024 fuq TVM qabel l-aħbarijiet tat-20:00 u fid-21:27 u TVM+ qabel l-aħbarijiet tas-18:00 u qabel l-aħbarijiet tat-20:00.

Il-Bord ħa nota tal-fatt li l-PBS ma dehrux biex jikkontestaw din l-akkuża issa li saru l-15:55. Għaldaqstant il-Bord aġġorna għad-deċiżjoni.

Wara li l-Kap Eżekuttiv allargat mis-seduta, l-Bord għadda sabiex jiddeċiedi l-akkuża.

Il-Bord ħa konjizzjoni tal-akkuża appuntata għal-llum, ħa konjizzjoni tad-digriet tiegħu tallum stess wara talba għal differiment tax-xandar PBS Ltd għal dan is-smigħ, liema talba ġiet miċħuda, semgħet lill-Kap Eżekuttiv fuq l-akkuża, rat li PBS ma dehritx sabiex tiddefendi l-akkuża fil-konfront tagħha. Jiddeċiedi li l-akkuża ġiet approvata, immultat lil PBS is-somma ta’ Euro 4,660 skont Skeda ta’ Kap.350 entro xahar mid-data ta’ din id-deċiżjoni.

Il-Bord tal-Awtorità ordnat li a tenur ta’ Artiklu 41(7) ta’ Kap.350 irid jixxandar ukoll dan is-sunt fil-bulettin tal-aħbarijiet tat-20:00 ta’ jum wara din id-deċiżjoni.

“Il-Bord tal-Awtorità tax-Xandir sab lil Public Broadcasting Services Limited responsabbli għall-ksur tad-Direttiva maħruġa mill-Awtorità tax-Xandir fil-31 t’Ottubru 2024, wara li xandar spots relatati mal-baġit qabel ma ressaq l-istess għall-approvazzjoni tal-Awtorità tax-Xandir. Il-PBS ġie mmultat is-somma ta’ Euro 4,660 għal dan il-ksur liema ammont irid jitħallas fi żmien xahar”.

 

 

                                                  7 ta’ Novembru 2024

 

Ref.:65/01

Smigħ 14_24

Numru 8