Ilment mill-Partit Laburista rigward il-programm Times Talk tat-22 ta’ Marzu, 2016
L-Awtorità kellha quddiemha ilment mill-Partit Laburista kontra PBS Limited rigwardanti l-edizzjoni tal-programm Times Talk tat-22 ta’ Marzu, 2016, fejn kien allegat li d-diskussjoni li kellha titratta l-ħtieġa tat-tielet partit politiku spiċċat f’ħinijiet minnhom titratta oqsma ta’ kontroversja politika li direttament kienu jolqtu lill-Partit Laburista u lill-Gvern. In oltre, waqt l-istess programm ittieħdu tliet kummenti tal-Onorevoli Marlene Farrugia, is-Sur Hermann Schiavone (kandidat għall-Partit Nazzjonalista) u l-Perit Carmel Cacopardo (Viċi Chairman tal-Alternattiva Demokratika) li min-naħa tagħhom għamlu osservazzjonijiet fuq temi ta’ kontroversja politika u ta’ kritika fuq il-Gvern u l-Partit Laburista, u dan meta ma kien hemm ħadd mill-Partit Laburista jew mil-Gvern biex jgħaddi r-rimarki tiegħu. Fl-ilment tiegħu l-Partit Laburista sejjaħ dan l-aġir bħala żbilanċ fil-konfront tal-Partit Laburista u għalhekk talab rimedju u l-intervent tal-Awtorità.
L-Awtorità semgħet lis-Sinjuri Gino Cauchi, Kap Eżekuttiv tal-Partit Laburista, u lis-Sur Nigel Vella, Koordinatur tal-Komunikazzjoni, li dehru għan-nom u fl-interess tal-Partit Laburista kif ukoll lis-Sur Reno Bugeja, Editur tal-PBS, li kien akkumpanjat mill-Avukat Mark Vassallo u lis-Sinjuri Mark Micallef u Herman Grech għall-produzzjoni.
Min-naħa tiegħu, is-Sur Gino Cauchi qal li l-ilment tal-Partit Laburista ma kienx jitratta l-mistiedna preżenti fl-istudjo iżda l-kummenti li kienu ttieħdu barra l-istudjo lill-Onorevoli Marlene Farrugia, is-Sur Hermann Schiavone u l-Perit Carmel Cacopardo. Żied li l-kummenti ta’ dawn kienu jmorru lil hinn mis-suġġett tal-programm u kienu ta’ natura kontroversjali u għaldaqstant kien importanti li jkunu bbilanċjati b’kummenti minn esponenti tal-Partit Laburista. Is-Sur Cauchi rrefera għal deċiżjonijiet imgħoddija tal-Awtorità, in partikolari ilment tal-Partit Nazzjonalista dwar l-edizzjoni tal-Programm Dissett tat-2 ta’ Marzu 2016, fejn fid-deċiżjoni tagħha l-Awtorità kienet ikkostatat li, “uħud mir-risposti mogħtija kienu kummenti u osservazzjonijiet politiċi li għalihom il-Partit Nazzjonalista kellu d-dritt li jsemma’ l-veduti tiegħu”, u f’dak il-każ il-Partit Nazzjonalista kien ingħata rimedju. Żied li l-każ odjern kien wieħed każ identiku u għalhekk il-Partit Laburista kellu dritt iwieġeb.
Min-naħa tiegħu, is-Sur Mark Micallef qal li f’dan il-każ wieħed ried jikkonsidra l-kuntest u l-isfond u ma setgħax jaċċetta l-argument li l-kummenti kienu indirizzati kontra l-Partit Laburista. Żied li t-tliet parteċipanti fil-programm u ċjoe’ s-Sinjuri Godfrey Grima, Hermann Schiavone u Salvu Mallia kienu ġew mistiedna fuq bażi personali u tkellmu b’mod indipendenti u kienu huma li stradaw id-diskussjoni. Is-Sur Micallef qal li l-ġimgħa ta’ qabel il-programm tratta l-kwistjoni tal-Panama bil-parteċipazzjoni tal-partiti u għalhekk jekk fl-edizzjoni in kwistjoni kien ser ikun hemm xi esponent ta’ partit, allura l-produzzjoni kien ikollha tistieden esponent mill-partit l-ieħor.
Is-Sur Herman Grech qal li fil-każ tal-intervisti dawn kienu rilevanti għad-diskussjoni. Żied li l-Onorevoli Marlene Farrugia kienet reġgħet fetħet id-dibattitu nazzjonali dwar il-ħtieġa tat-tielet partit politiku u tkellmet ampjament dwar governanza, il-Perit Carmel Cacopardo kien ukoll jappoġġja din l-idea filwaqt li s-Sur Hermann Schiavone kien l-aktar persuna kwalifikata dwar is-sistema elettorali imsejħa single transferrable vote.
Min-naħa tiegħu s-Sur Reno Bugeja qal li bħala editur kien jara jekk l-għażla tal-mistiedna tkunx eżawrjenti biżżejjed.
Is-Sur Gino Cauchi irrileva li fl-ilment ma kienux issemmew il-mistednin, madankollu dak li ġie diskuss (kwistjoni tal-kumpannija fil-Panama) kien kontroversjali u tema kurrenti, in oltre is-sound clips irrekordjati kienu f’idejn il-produtturi minn qabel u għalhekk dawn kellhom kontroll u setgħu faċilment jantiċipaw illi l-kummenti fihom kienu ser jikkrejaw żbilanċ, u għalhekk setgħu ġew editjati biex ma jkunx hemm attakk fuq il-Partit Laburista. Is-Sur Cauchi qal li a bażi tad-deċiżjoni preċedenti tal-Awtorità il-Partit Nazzjonalista kien ingħata d-dritt isemma’ l-veduti tiegħu u għalhekk bl-istess riga l-Partit Laburista għandu jitħalla jwieġeb għall-partijiet fil-programm li kienu pre-recorded u li trattaw kontroversja politika.
Is-Sur Mark Micallef qal li l-panel fil-programm kien importanti u ma kienx jaqbel li biex ikun diskuss suġġett politiku, dan kellu jsir biss bil-parteċipazzjoni ta’ politiċi.
L-Awtorità, wara li ħadet konjizzjoni u ddiskutiet is-sottomissjonijiet tal-partijiet, iddeċidiet li filwaqt li l-programm fit-totalità tiegħu ma kienx żbilanċjat, din kienet qed tilqa’ l-parti tal-ilment limitatament għall-parti fejn ixxandru sound clips u fejn il-veduti tal-Partit Laburista ma xxandrux u f’dan ir-rigward tiġbed l-attenzjoni tal-PBS li f’każ bħal dan kellu jaċċerta li jkun hemm rappreżentanza tal-partiti politiċi prinċipali. Madankollu minħabba t-trapass taż-żmien, l-Awtorità ma tħossx li għandha tagħti rimedju.
Illum 22 t’April, 2016