Deċiżjoni għal akkuża imressqa kontra PBS Ltd nhar l-10 ta’ Novembru 2025 rigward il-programm TVAM ta’ nhar is-27 t’Ottubru 2025
Il-Bord kellu quddiemu akkuża mressqa mill-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tax-Xandir kontra PBS Ltd fir-rigward tal-programm TVAM tas-27 t’Ottubru 2025. L-istazzjon għażel li jikkontesta din l-akkuża u għaldaqstant il-Bord organizza s-smigħ għal nhar il-Ħamis 27 ta’ Novembru 2025 fis-14:05.
Għal PBS Ltd dehru l-Inġ. Charles Dalli, editur, l-Inġ. Keith Chetcuti, Kap Eżekuttiv u l-Avukat Mark Vassallo.
Il-Kap Eżekuttiv għamlet referenza għall-programm imsemmi li matulu l-ġurnalista Daphne Cassar intervistat xi nies li kienu f’ħanut tal-pastizzi fir-Rabat magħruf bħala ‘is-Serkin’. Kompliet tispjega li matul ix-xandira ngħatat informazzjoni ta’ natura kummerċjali dwar il-prodotti prinċipali fosthom il-kwalità, it-tipi, it-tradizzjoni u l-prezzijiet tal-pastizzi, inkluż dwar il-klijentela ta’ dan il-ħanut speċifiku, l-ħinijiet tal-ftuħ u dwar id-drawwiet marbuta ma’ dan il-post. Qalet li din il-promozzjoni saret ukoll fl-intervista ma’ xi klijenti tal-ħanut u li kienu wkoll gwidati mill-ġurnalista li ppreżentat din ir-rokna, kif ukoll intervista ma’ wieħed mill-persuni li jmexxi dan il-ħanut. Għalhekk ikkonkludiet li dan huwa ksur ta’ Art. 16K(1)(a) ta’ Kap. 350, l-Att dwar ix-Xandir.
Dr Mark Vassallo ammetta li l-prezzijiet kien fattur żejjed, madankollu spjega li dawn kienu qed jitkellmu fuq aspett storiku dwar kif għolew il-prezzijiet matul iż-żmien. Qal li l-kumplament kien purament diskors dwar tradizzjoni u li l-ħanut magħruf minn kulħadd għal tradizzjoni ben magħrufa. Qal li wieħed jista’ anke jgħid li l-prezzijiet jafhom kulħadd. Kompla li skont hu l-istazzjon ma għandux jinstab ħati.
Wara li r-rappreżentanti tal-istazzjon kif ukoll il-Kap Eżekuttiv ħallew is-seduta, il-Bord għadda sabiex jiddiskuti din l-akkuża.
Il-Bord wieżen is-sottomissjonijiet sabiex jikkunsidra jekk il-filmat kienx xandira dwar tradizzjoni jew purament reklam. Filwaqt li qed jaqbel li t-tema hija tradizzjoni u li l-post imsemmi huwa wieħed magħruf, xorta waħda huwa tal-fehma li huwa reklam. Għalhekk qed jilqa’ din l-akkuża u bl-applikazzjoni ta’ Art. 41(4)(c) ta’ Kap. 350, qed jissospendi l-penali fl-ammont ta’ Euro 2,330 għall-perjodu ta’ tliet snin mid-data tad-deċiżjoni.
Il-Bord qiegħed ukoll jidderieġi lill-istazzjon sabiex fi żmien 48 siegħa, jaqra dan is-sunt matul il-bullettin tal-aħbarijiet, skond Art. 41(7) ta’ Kap. 350:
“Il-Bord tal-Awtorità tax-Xandir sab lil PBS Ltd ħati ta’ offiża amministrattiva matul ix-xandir tal-programm ‘TVAM’ ta’ nhar is-27 ta’ Ottubru 2025 li matulu xxandar materjal li ġie meqjus bħala reklam. L-istazzjon ġie mpost b’penali amministrattiva li bl-applikazzjoni ta’ Art. 41(4)(c) hija sospiża għal tliet snin. L-istazzjon ġie ordnat ukoll jaqra dan is-sunt”
Smigħ 9_25 Ilment 5
Ref.: 65/01
2 ta’ Diċembru 2025