PBS - TVM News - 29 ta' Marzu 2025




Deċiżjoni rigward ilment imressaq mill-Partit Nazzjonalista kontra PBS Ltd rigward TVM News tad-29 ta’ Marzu 2025

 

Il-Bord tal-Awtorità tax-Xandir kellu quddiemu lment imressaq mill-Partit Nazzjonalista (“PN”) kontra PBS Ltd rigward TVM News tad-29 ta’ Marzu 2025.

 

Il-Bord tal-Awtorità tax-Xandir organizza s-smigħ għal nhar il-5 ta’ Mejju 2025 wara li kien diferit bi qbil bejn iż-żewġ partijiet. Għall-PN deher Dr Michael Piccinino filwaqt li għall-PBS Ltd dehru l-Inġ Keith Chetcuti bħala CEO tal-istazzjon, is-Sur Owen Galea bħala Kap tal-Aħbarijiet, kif ukoll Dr Shaun Zammit, rappreżentant legali tal-istazzjon.

 

Dr Michael Piccinino spjega li fid-29 ta’ Marzu 2025, il-Ministru Bonnett indirizza l-problema tat-traffiku fil-pajjiż u ħabbar numru ta’ miżuri li kien se jieħu l-Gvern rigward l-immaniġġjar tat-traffiku. Qal li l-ilment tal-Partit Nazzjonalista mhux qed isir minħabba li PBS irrapporta dak li ntqal fil-konferenza tal-aħbarijiet, iżda spjega li dakinhar tax-xandira, l-ewwel żewġ rapporti  fil-bulettin li kienu jittrattaw il-proposti tal-Gvern u li kienu jinkludi żewġ reġistrazzjonijiet (s.o.t) tal-Ministru tat-Trasport, ħadu tmien minuti. Biss warajhom ma segwitx ir-reazzjoni tal-Oppożizzjoni kif mistenni. Qal li din tħalliet għal ħafna iżjed tard u li huwa fatt magħruf li l-maġġoranza tan-nies jaraw l-iżjed l-ewwel parti tal-aħbarijiet, fejn kienet tinkludi miżuri tal-Gvern. Għalhekk l-ilment imsejjes mal-fatt li l-mod kif preżenta r-reazzjoni tiegħu, PBS anqas biss alloka l-istess ħin li alloka għar-reġistrazzjonijiet tal-Ministru u kien ferm iżjed skjett.

 

Dr Shaun Zammit irrisponda li trid tittieħed stampa ħolistika ta’ kif ġraw l-affarijiet. Waqt is-smigħ, Dr Zammit ippreżenta dokumenti li trattaw rappurtaġġ tal-Oppożizzjoni rigward is-sitwazzjoni tat-traffiku. Qal li fid-29 ta’ Marzu 2025 ma kinitx l-ewwel darba li l-PBS xandar din il-pożizzjoni. Semma li fis-26 ta’ Settembru 2024 kienu ssemmew il-miżuri mħabbra, fit-18 ta’ Frar 2025 kienet imxandra l-pożizzjoni tal-Oppożizzjoni u l-għada tal-bulettin ilmentat, ċioè fit-30 ta’ Marzu 2025, ġiet imxandra l-pożizzjoni tal-PN li ma kenitx ikkuntlarjata minn pożizzjoni oħra. Qal li fit-3 t’April 2025, kelliem għal PN itteħditlu reġistrazzjoni li nġiebet mill-PBS.

 

Dr Michael Piccinino qal li fattwalment ir-rappurtaġġ kollu tal-Oppożizzjoni li ssemmew min-naħa tal-PBS waqt is-smigħ ta’ dan l-ilment anqas jammonta għal 8 minuti. Qal li l-PBS ixandar ir-reazzjoni tal-Partit Laburista għal kwalunkwe messaġġ li jgħaddi l-Partit Nazzjonalista. Għalhekk qal li huwa żvijju meta jintqal li ntlaħaq xi forma ta’ bilanċ.

 

Is-Sur Owen Galea, Kap tal-Aħbarijiet tal-PBS, qal li fid-29 ta’ Marzu 2025 il-Gvern ħabbar il-miżuri tiegħu filwaqt li fit-30 ta’ Marzu 2025 il-PN għamel konferenza fejn ressaq il-pożizzjoni tiegħu.

 

Is-Sur Frans Ghirxi, membru tal-Bord, staqsa x’ħin intbagħtet ir-reazzjoni tal-Partit Nazzjonalista għal dak imħabbar mill-Gvern. Is-Sur Michael Piccinino wieġeb li fl-15:41.

 

Dr Michael Piccinino kompla li l-importanza hija ovvja u li kien hemm żewġ reġistrazzjonijiet li xxandru fl-ewwel tmien minuti tas-servizz tal-aħbarijiet. Qal li l-PBS dejjem ixandar dak li jgħid il-Prim Ministru l-ewwel, segwit b’dak li jkun qal il-Kap tal-Oppożizzjoni. Biss dan ma sarx f’dan il-bulettin.

 

Is-Sur Owen Galea wieġeb li dik mhix il-prassi li jixxandru ż-żewġ verżjonijiet wara xulxin.

Dr Alessandro Lia, membru tal-Bord, staqsa lil Dr Michael Piccinino jekk l-ilment kienx fuq dan it-tliet binarji:

  1. Rapport marbut mal-miżura mnehdija marbut mar-reġistrazzjoni, fejn il-PN ma ngħatax dik l-opportunità;
  2. Id-durati ma kinux l-istess;
  3. Jekk l-ordni kenitx waħda fejn ir-reazzjoni tal-Oppożizzjoni ma segwitx l-istqarrija tal-Gvern.

 

Dr Michael Piccinino tenna li wieħed irid jara l-elementi kollha flimkien u jikkunsidra t-totalità tagħhom. Aċċenna li wara l-pożizzjoni tal-Prim Ministru jrid ikun hemm dik tal-Kap tal-Oppożizzjoni.

 

Dr Shaun Zammit qal li l-pożizzjoni tal-Partit Nazzjonalista ġiet imxandra b’mod estensiv inkluż dak tal-Onorevoli Mark Anthony Sammut.

 

Wara li l-partijiet ħallew is-seduta, il-Bord għadda sabiex jikkunsidra l-argumenti mressqa.

 

Il-Bord jemmen li ma għandux janalizza d-durati jew numru ta’ reġistrazzjonijiet imxandra iżda fil-każ ta’ dan l-ilment t-tlajjar sabiex tema politika jew li tirrelata ma’ dak li għandu x’jaqsam mal-ġrajjiet kurrenti, tkun imxandra separatament fejn ma jkunx hemm segwitu u/jew kuntrast bejn il-pożizzjoni tal-Prim Ministru u dik tal-Kap tal-Oppożizzjoni. Dan billi r-reazzjoni tal-Oppożizzjoni titħalla iżolata mill-istqarrijiet tal-Gvern. Il-Bord innota wkoll li l-inklużjoni ta’ reazzjoni in segwitu tal-istqarrija, hija l-prassi mħaddna mix-xandar nazzjonali u li filwaqt li jeżisti l-kunċett tar-responsabbiltà editorjali, tlajjar ta’ dan it-tip iwassal għal iżolament u sussegwentement ukoll għad-dgħajfin tar-reazzjoni li jħalli mpatt fuq l-element tal-bilanċ.

 

Għal din ir-raġuni l-Bord laqa’ l-ilment u bħala rimedju qed jordna lix-Xandar sabiex jaqra dan is-sunt fl-ewwel parti tal-bulettin tal-aħbarijiet fi żmien jumejn minn din id-deċiżjoni:

 

“Il-Bord tal-Awtorità tax-Xandir jagħmel referenza għall-ilment imressaq mill-Partit Nazzjonalista dwar l-aħbarijiet li xxandru mill-istazzjon nazzjonali PBS nhar id-29 ta’ Marzu 2025, b’referenza għall-konferenza tal-aħbarijiet tal-Ministru tat-Trasport kemm għal miżuri li ħabbar il-Gvern kif ukoll għall-pożizzjoni mħabbra mill-Oppożizzjoni dakinhar stess u tirrileva illi l-PBS kellu obbligu illi jxandar il-pożizzjoni tal-oppożizzjoni mmedjatament wara l-informazzjoni li xandar dwar il-konferenza tal-aħbarijiet tal-Ministru tat-Trasport minflok ixandarha b’mod separat u distint fit-tieni parti tal-istess bulettin tal-aħbarijiet. Il-Bord laqa’ l-ilment u ordna l-qari ta’ dan is-sunt bħala rimedju”.

 

 

 

 

Smigħ 4_25

Ref.: 14/25

14 ta’ Mejju 2025