TVM - XTRA - 29 ta' Novembru 2018




Deċiżjoni dwar l-Akkuża fil-konfront ta’ PBS Ltd. rigward
il-programm XTRA li xxandar fid-29 ta’ Novembru, 2018

L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ PBS Ltd. rigward il-programm ‘XTRA’ li xxandar fid-29 ta’ Novembru, 2018, fejn ġie allegat ksur ta’ Artiklu 16L(4) tal-Att Dwar ix-Xandir meta matul fi tmiem dan il-programm il-preżentatur, Saviour Balzan, irringrazzja lill-isponsors billi qal, “... nirringrazzja lill-isponsors tagħna Cassar Camilleri, Ingrams għal ħwejjeġ, Dex għall-għamara, ABC għal Parker pen u nies oħra li ma semmejtx lil Mat Brown, Tony Camilleri tal-appoġġ tagħhom Media Today newsroom, ....” Minħabba li dan huwa programm ta’ ġrajjiet kurrenti, dan ma setgħax ikun sponsorjat. Dan ir-ringrazzjament lill-isponsors imur kontra Artiklu 16L(4) tal-Att dwar ix-Xandir.

L-Awtorità semgħet lill-Kap Eżekuttiv u lis-Sur Frans Lia li deher f’isem u in rappreżentanza tal-istazzjon, f’seduta li nżammet fis-6 ta’ Frar, 2019, li minn naħa tiegħu filwaqt li ammetta l-akkuża qal li dan kien każ ta’ lapsus minn naħa tal-preżentatur u kif inġibdet l-attenzjoni tal-istazzjon ittieħdet deċiżjoni li f’din is-serje ma ssir l-ebda riferenza għall-isponsors. Is-Sur Lia qal li dan kien programm recorded u li xi drabi dan jasal għand l-istazzjon fl-aħħar ħin u dan joħloq pressjoni fuq il-quality control.

L-Awtorità ħadet nota tas-sottomissjonijiet tal-partijiet in partikolari l-ammissjoni tal-istazzjon u ddeċidiet li l-akkuża ġiet ippruvata. L-Awtorità qablet li kellha twiddeb lill-istazzjon sabiex ma jirrepetix tali nuqqas.

Illum il-25 ta’ Marzu, 2019