L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ Power FM dwar il-qawwa ta’ trasmissjoni fejn ġie allegat li kien hemm ksur ta’ Paragrafu 3(d) tal-Ewwel Skeda tal-Att Dwar ix-Xandir, meta minn rapport tal-Awtorità dwar il-Kommunikazjoni, kien jidher ċar li f’Marzu u f’Mejju 2011 il-livell tal-effective radiated power kien għoli aktar minn dak konsentit u stabbilit fil-liċenzja relattiva.
L-Awtorità semgħet kemm lill-Kap Eżekuttiv u lis-Sur Emanuel Spiteri f’isem l-istazzjon, li kkontenda li l-istazzjon spiss kien isofri minn qtugħ fil-provvista tad-dawl u żied li konsegwenza ta’ dan meta l-provvista tiġi ristabbilita mill-ġdid l-livell jogħla drastikament.
L-Awtorità, wara li ħadet konjizzjoni tas-sottomissjonijiet tal-partijiet, qablet li l-akkuża ġie ippruvata, madanakollu peress li din kienet l-ewwel darba li l-istazzjon instab ħati ta’ tali ksur iddeċidiet li twiddeb lill-istazzjon sabiex ma jirrepetix dan in-nuqqas, L-Awtorità ddiriġiet li l-istazzjon kellu jirrimborsa €69 lill-Awtorità rappreżentanti l-ispejjeż marbutin mat-testijiet li ġew magħmula mill-Awtorità dwar il-Kommunikazzjoni.