Stqarrija għall-Istampa
25 ta’ Mejju 2026
Stq: 10/26
Skema ta’ Xandiriet Politiċi għall-Elezzjoni Ġenerali 2026
L-Awtorità tax-Xandir tħabbar li l-iskeda ta’ xandiriet politiċi għall-Elezzjoni Ġenerali 2026 issa ser tagħlaq b’dibattitu finali bejn il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista, Dr Robert Abela, u l-Kap tal-Oppożizzjoni u Kap tal-Partit Nazzjonalista, Dr Alex Borg.
Dan id-dibattitu finali ser ikun il-qofol ta’ skeda intensiva ta’ xandir politiku maħsub li jitfa’ dawl fuq l-iżviluppi u t-temi prinċipali f’din il-kampanja elettorali. Permezz ta’ din l-iskeda l-Awtorità tax-Xandir wasslet lill-elettorat aktar minn 400 minuta ta’ xandiriet politiċi, li inkludew dibattiti, intervisti u konferenza tal-aħbarijiet kif ukoll ‘l fuq minn 300 minuta ta’ spots politiċi bil-għan li l-kontestanti f’dawn l-elezzjonijiet jingħataw spazzju sabiex iwasslu l-fehmiet tagħhom.
Id-dibattitu bejn iż-żewġ mexxejja ser ikun l-aħħar wieħed minn sensiela ta’ programmi politiċi mxandra tul dawn il-ġimgħat, u ser jagħti lill-elettorat opportunità finali biex jisma’ direttament il-viżjoni u l-proposti taż-żewġ partiti ewlenin qabel il-votazzjoni ta’ nhar is-Sibt 30 ta’ Mejju.
Matul dan id-dibattitu, iż-żewġ esponenti ewlenin ser jiddibattu t-temi kruċjali li ddominaw il-kampanja elettorali, filwaqt li ser jindirizzaw ukoll il-prijoritajiet tagħhom għall-pajjiż fis-snin li ġejjin.
Dan id-dibattitu finali ser jixxandar fuq TVM u Radju Malta fid-21:15 u ser jitmexxa minn Liam Carter.
.