F-Living - Propjeta' Minn Wara L-Kwinti - 20 Nov 2017




Deċiżjoni dwar l-Akkuża fil-konfront ta’ F Living rigward il-programm Propjetà Minn Wara L-Kwinti li xxandar fis-6 ta’ Novembru, 2017

L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ F Living  dwar l-edizzjoni tal-programm Propjeta’ Minn Wara L-Kwinti li xxandar fis-6 ta’ Novembru, 2017  fejn ġie allegat ksur ta’ Artiklu 16 K(a) tal-Att dwar ix-Xandir meta waqt waħda mill-intervisti fil-programm,  il-mistieden tkellem dwar il-vantaġġ li wieħed jixtri proprjetà għall-kiri bħala investiment u kompla jispjega kif appartament jista’ jinqasam fi tnejn biex ikunu jistgħu jsiru żewġ kirjiet.  Waqt din l-intervista u meta kien hemm referenza għal proġetti bħal dawn, intwerew għadd ta’ ritratti bil-watermark fuqhom li kienet taqra www.simonestates.com. Fl-aħħar tal-intervista is-Sur DeBono qal wkoll li meta wieħed jixtri proprejtà bil-għan li jaqsam il-proprjetà biex ikun jista’ jagħmel żewġ kirjiet, wieħed għandu jmur għand estate agent illiċenzjat mill-Federazzjoni biex jieħu parir.  Hekk kif spiċċat din l-intervista xxandret sensiela ta’ reklami bl-ewwel reklam ikun ta’ Simon Real Estate u li fih dehret caption bl-isem ta’ Simon DeBono u l-mobile number.  Skont l-akkuża, l-intervista nnifisha, ir-ritratti li intużaw bil-watermark u r-reklam li xxandar wara l-intervista wasslu għal reklamar b’ingann u għalhekk seħħ ksur ta’ Artiklu 16K(a) tal-Att dwar ix-Xandir.  B’dan il-mod kien hemm assoċjazzjoni bejn il-mistieden u r-reklam.  Seħħ ukoll reklamar b’ingann għax ir-rokna kellha element ta’ reklam minħabba l-kontenut li bih ġiet ippreżentata.  L-Awtorità semgħet lill-Kap Eżekuttiv u lis-Sur Giglio Pirrone li deher f’isem u in rappreżentanza tal-istazzjon li kien akkumpanjat mis-Sur Simon DeBono għall-produzzjoni, f’seduta li nżammet fis-7 ta’ Frar, 2018.

Minn naħa tiegħu is-Sur DeBono qal huwa kien qed jirrespinġi u jikkontesta l-akkuża fis-sens li huwa kien qed jidher fil-programm fil-vesti tas-Segretarju Generali tal-Federazzjoni tal-Aġenti tal-Propjeta’ u kien qiegħed jirrappreżenta l-istess Federazzjoni u mhux l-interessi tiegħu personali, in oltre bħal ma jiġri meta jintuża stock footage għall-viżwal irid jingħata rikonoxximent (credit) lis-sors tal-footage u kien għalhekk li kien hemm speċi ta’ watermark fuq ir-ritratti.

Is-Sur DeBono qal li fir-rejalta’ l-watermark ma kinitx tidher sew u wieħed ried jagħmel sforż biex jidentifika il-kitba www.simonestates.com.  Żied li apparti dan, l-istess watermark fl-ebda ħin ma kienet tidher sħiħa u ċara, tant li meta huwa bagħat ir-ritratti lill-istazzjon lanqas kien induna li kien hemm il-watermark u li b’xi mod kien qed jikser il-liġi.

Minn naħa tiegħu is-Sur Giglio Pirrone filwaqt li saħaq li din kienet l-ewwel esperjenza tas-Sur DeBono fuq it-TV, qal li f’dan il-każ fl-ebda ħin ma kien hemm l-intenzjoni li jsir reklamar għall-aġenzija.  Żied li hekk kif inġibdet l-attenzjoni tal-istazzjon dan immedjatament ħa l-miżuri neċessarji sabiex in-nuqqas jiġi rettifikat. 

L-Awtorità ħadet nota tas-sottomissjonijiet tal-partijiet u kif ukoll tal-filmat in kwistjoni u ddeċidiet li l-akkuża kienet ġiet ippruvata madanakollu stante l-fatt li l-watermark mhux dejjem kienet ċara u li l-istazzjon indirizza n-nuqqas hekk kif kien infurmat qablet li kellha twiddeb lill-istazzjon sabiex ma jirrepetix tali nuqqas.

Illum 7 ta’ Marzu, 2018