Radio 101 - Wavelenght - 5 ta’ Settembru, 2013




L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ Radio 101 dwar il-programm Wavelenght li xxandar fil-5 ta’ Settembru, 2013 fejn ġie allegat ksur ta’ paragrafu 4.1.5 tal-Leġislazzjoni Sussidjarja 350.15 (Ħtiġijiet Dwar Standards u Prattika Dwar is-Sehem ta’ Nies Bla Ħarsien Xieraq fil-Mezzi tax-Xandir) meta għall-ħabta tal-11.26 a.m. instemgħet telefonata mingħand tifla ta’ 8 snin li qalet li “ma sabitx mediċina biex tfejqilha infezzjoni f’widnejha u li Joseph Muscat imissu baqa’ fl-Oppożizzjoni u ħalla lil Gonzi jmexxi”.  Għal dan il-kumment, il-preżentatur m’għamel l-ebda reazzjoni.

L-Awtorità semgħet kemm lill-Kap Eżekuttiv kif ukoll lil Ms Louiselle Vassallo f’isem u in rappreżentanza tal-istazzjon u lis-Sur Simon Cassar il-preżentatur tal-programm.

Il-Kap Eżekuttiv qal li f’dan il-każ permezz tat-telefonata tagħha l-minorenni għaddiet kummenti attribwibbli lill-adulti u skont hu kien meħtieġ li tinżamm linja ta’ demarkazzjoni bejn diskors li għandu jingħad mill-adulti u mill-minorenni.  U dan peress li l-minorenni ma jagħmlux distinzjoni bejn realtà u l-fatti. Il-liġi tgħid li “dawk li jtellgħu l-programm iridu joqgħodu attenti l-aktar li t-tfal ħafna iżgħar min oħrajn isibuha diffiċli biex jagħżlu bejn ir-realta u l-fantasija kif ukoll mhux dejjem ikollhom il-ħila li jgħarfu l-għajdut u s-seksik mill-verita”.

Is-Sur Simon Cassar minn naħa tiegħu qal li l-istazzjon dejjem ħa l-miżuri neċessarji sabiex jevita sitwazzjonijiet simili, madanakollu f’dan il-każ u f’din it-telefonata kien hemm element qawwi ta’ sorpriża u b’riżultat ta’ dan ir-reazzjoni tat-tekniċi u tal-istess preżentatur ma kienitx effettiva biżżejjed.  Żied li każi simili fil-passat dejjem ġew eliminati tant li ma kienx hemm problemi simili qabel dan il-każ.

L-Awtorità wara li ħadet konjizzjoni tas-sottomissjonijet tal-partijiet filwaqt li rriaffermat il-ħtieġa u l-obbligu li l-istazzjonijiet jipproteġu bil-qawwa kollha l-interessi tal-minuri b’kull mod possibbli, iddeċidiet li l-akkuża kienet ġiet ippruvata, madanakollu peress li din kienet l-ewwel darba li l-istazzjon instab ħati ta’ tali ksur qablet li kellha twiddeb l-istazzjon biex ma jirrepetix tali nuqqas.

19 ta’ Novembru, 2013