Radio 101 - Drive Time Hysteria - 17 t’Ottubru, 2014




L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ Radio 101 dwar il-programm Drive Time Hysteria li xxandar fis-17 t’Ottubru, 2014 fejn ġie allegat ksur ta’ Artiklu 13(2)(a) tal-Att Dwar ix-Xandir meta waqt il-programm għall-ħabta tal-4.39p.m., ixxandret id-diska Vaffanculo ta’ Marco Masini. Waqt li kienet għaddejja d-diska, tbaxxa l-volum u xxandru għadd ta’ kummenti tal-Ministru Konrad Mizzi dwar il-power station il-ġdida li din tkun lesta sal-2015. Kien hemm ukoll clips oħrajn tal-istess Ministru Mizzi u tal-Prim Ministru li nstema’ jgħid li se jkun hemm ittardjar ta’ xi xhur.  Waqt dawn il-clips, il-mużika Vaffanculo kompliet tinstema’ fl-isfond u eżatt kif spiċċat il-mużika il-preżentatur għadda dan il-kumment: “Id-diski xi kultant they fall into place.”  Tali parti tax-xandira tmur kontra l-gosti tajbin u d-diċenza għax tmur lil hinn mill-aspett ta’ satira u umoriżmu.

L-Awtorità semgħet kemm lill-Kap Eżekuttiv kif ukoll lil Ms Maroushka Pisani Bugeja f’isem l-istazzjon, f’seduta li nżammet fit-2 ta’ Diċembru, 2014, li minn naħa tagħha filwaqt li ammettiet l-akkuża u ddeplorat bl-aktar mod iebes il-komportament u n-nuqqas tal-preżentatur, elenkat il-miżuri u l-passi dixxiplinari serji li kien ħa l-istazzjon fil-konfront tal-istess preżentatur, u b’mod ġenerali bl-introduzzjoni ta’ linji gwida għall-preżentaturi u l-produtturi kollha.

L-Awtorità ddiskutiet is-sottomissjonijiet tal-partijiet, inkluż l-ammissjoni minn naħa tal-istazzjon u kif ukoll is-serjetà li biha ġie trattat dan in-nuqqas internament u l-passi li kien ħa l-istazzjon biex każi ta’ dan it-tip ikunu kkontrollati u possibilment aboliti u filwaqt li ddeċidiet li l-akkuża kienet ġiet ippruvata in vista tas-suespost iddeċidiet li twiddeb lill-istazzjon sabiex jara li każi serji bħal dawn ma jirrepetux ruħhom.

Illum 9 ta’ Diċembru, 2014