Radio 101 - Radio 101 Breakfast Club, Magazine 101, Wavelength, The Big Show - 23 ta' Lulju 2012




L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ Radio 101  dwar xandir fil-programmi Radio 101 Breakfast Club, Magazine 101, Wavelength u The Big Show li xxandru fit-23 ta’ Lulju, 2012 fejn ġie allegat li kien hemm ksur ta’ paragrafu 2.1 tal-Ħtiġijiet dwar Standards u Prattika dwar il-Prezz ta’ Telefonati u SMSs fil-Mezzi tax-Xandir kif ukoll ta’ paragrafu 4 tat-Tielet Skeda tal-Att dwar ix-Xandir meta l-istazzjon naqas li jinforma lis-semmiegħa dwar il-prezz tal-SMSs u in oltre fl-istess programm id-distinzjoni rikjesta mill-liġi bejn l-element reklamatorju u l-kontenut tal-programm ma kienitx ċara.

L-Awtorità semgħet kemm lill-Kap Eżekuttiv u kif ukoll lis-Sinjuri Charles Saliba u Martin Fenech li dehru f’isem u in rappreżentanza tal-istazzjon, f’seduta li nżammet fid-9 t’Ottubru, 2012.

Minn naħa tiegħu s-Sur Saliba ikkontenda li fir-rigward tan-nuqqas ta’ distinzjoni bejn l-element kummerċjali u l-kontenut tal-programm il-preżentatur kien għamel referenza għall-isponsers personali tiegħu u li hekk kif inġibdet l-attenzjoni tal-istazzjon dan in-nuqqas waqaf immedjatament.

Dwar il-prezz tal-SMSs filwaqt li ammetta l-akkuża, is-Sur Saliba, qal li dan kien nuqqas tal-istazzjon u li din kienet l-ewwel darba kemm ilu jmexxi l-istazzjon li kien qed ikun akkużat b’dan in-nuqqas.  Żied li hekk kif l-istazzjon kien notifikat, ittieħdu l-miżuri neċessarji sabiex ma jkunx hemm ripetizzjoni tal-ksur tal-liġi.  

L-Awtorità wara li ħadet konjizzjoni tas-sottomissjoni tal-partijiet inkluż l-ammissjoni iddeċidiet li l-akkuża kienet ġiet ippruvata, madanakollu  peress li din kienet l-ewwel darba li l-istazzjon instab ħati ta’ tali ksur kellha twiddeb lill-istazzjon sabiex ma jirrepetix tali nuqqas.

16 t’Ottubru, 2012