Radio Galaxy - Log Tapes - Trasmissjoni bejn il-5 u l-11 ta' Marzu 2012




L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ Galaxy Radio rigward log tapes tax-xandiriet għal perjodu bejn il-5 u l-11 ta’ Marzu, 2012 fejn ġie allegat li kien hemm ksur ta’ paragrafu 2(ċ) (ii) tal-Ewwel Skeda tal-Att dwar ix-Xandir meta l-istazzjon naqas li jippreżenta lill-Awtorità l-log tapes tax-xandiriet għal perjodu bejn il-5 u l-11 ta’ Marzu 2012.

L-Awtorità semgħet kemm lill-Kap Eżekuttiv u lis-Sur Manuel Chircop li deher għan-nom tal-istazzjon, f’seduta li nżammet fis-17 ta’ Lulju, 2012, li minn naħa tiegħu filwaqt li saħaq li r-recordings kienu saru, ikkontenda li peress li l-istazzjon kien qed juża sistema online biex iżomm logs ta’ trasmissjoni kien qed ikollu diffikultà biex jaċċessa u jaqleb il-kontenut fuq sistema mp3. 

Is-Sur Chircop qal li fil-preżent l-istazzjon beda juża sistema differenti ta’ reġistrazzjoni u dan bil-għan li l-aċċesss għal kontenut ikun faċilitat.  Żied li fiċ-ċirkostanzi kien qed jitlob lill-Awtorità tikkonċedilu iżjed żmien sabiex ikun jista’ jippreżenta l-log tapes hekk kif rikjesti.

L-Awtorità ħadet konjizzjoni tas-sottomissjonijet tal-partijiet u fiċ-ċirkostanzi tal-każ qablet li l-istazzjon kellu jingħata sa l-aħħar tax-xahar, ċjoè sal-31 ta’ Lulju, 2012, sabiex jipprovdi l-log tapes mitluba, u irriżervat id-dritt li fin-nuqqas ta’ dan tieħu miżuri ulterjuri kif kontemplati mil-liġi.

7 ta' Marzu 2012