L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ Radju Leħen il-Belt Ġorġjana rigward xandiriet bejn il-perjodu 5 sal-11 ta’ Marzu, 2012 fejn ġie allegat li kien hemm ksur ta’ Paragrafu 2 (c)(ii) tal-Ewwel Skeda tal-Att Dwar ix-Xandir meta l-istazzjon naqas li jibgħat kopji ta’ log tapes għal dan il-perjodu.
L-Awtorità semgħet lill-Kap Eżekuttiv u kif ukoll lis-Sur Mark Cremona li deher għall-istazzjon, f’seduta li nżammet fil-5 ta’ Ġunju, 2012. Is-Sur Cremona ikkontenda li l-persuna responsabbli mill-aspett tekniku tal-istazzjon kien infurmah li l-imsemmija log tapes kienu intbgħatu permezz tal-posta elettronika.
Is-Sur Cremona esebixxa pendrive li skont hu kien fiha kopja tal-programmi mitluba mill-Awtorità u tenna li dan in-nuqqas setgħa ġie evitat li kieku l-komunikazzjoni interna tal-istazzjon kienet aktar effiċjenti.
L-Awtorità wara li ħadet konjizzjoni tas-sottomissjonijiet tal-partijiet u r-rapporti relattivi, ddeċidiet li l-akkuża kienet ġiet ippruvata, madanakollu, peress li din kienet l-ewwel darba l-istazzjon instab ħati ta’ tali ksur, iddeċidiet li twiddeb lill-istazzjon sabiex ma jirrepetix tali nuqqasijiet.
In oltre l-Awtorità iddiriġiet li l-kopja tal-programmi esebita tgħaddi għand id-Dipartiment tal-Monitoring, sabiex ikunu jistgħu isiru l-aċċertamenti neċessarji u rriservat id-dritt li terġa’ tikkunsidra d-deċizjoni tagħha jekk jinstab li kien hemm xi ksur tal-liġi meta jiġu eżaminati l-log tapes mitluba.
12 ta' Ġunju 2012