Referendum Campaign Programmes - 28 ta' Mejju 2011
L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ Radju Marija dwar il-programm Il-Mulej hu r-Ragħaj Tiegħi li xxandar fis-27 ta’ Mejju, 2011 fejn ġie allegat li kien hemm ksur ta’ Artiklu 15 tal-Att dwar ix-Xandir meta l-istazzjon kiser Direttiva tagħha marbuta mar-Referedum dwar id-Divorzju u ma osservax l-obbligi tiegħu waqt il-jum tas-silenzju ai termini tal-istess Direttiva.
L-Awtorità semgħet kemm lill-Kap Eżekuttiv, lil Patri Charles Fenech u l-Avukati Franco Galea u Michael Schiriha li dehru f’isem u in rappreżentanza tal-istazzjon.
Fr Charles Fenech qal li l-istazzjon kien issottometta skeda ta’ programmi hekk kif mitlub u tenna li b’rispett sħiħ tad-Direttiva tal-Awtorità din l-iskeda ma kienitx ġiet alterata. Żied li l-programm kien ripetizzjoni u dan kien ġie notifikat lill-Awtorità ai termini tal-istess Direttiva.
Fr Fenech qal li bħala prekawzjoni kienu ingħataw struzzjonijiet sabiex fil-programmi ma jiġux aċċettati telefonati u SMSs.
L-Avukat Franco Galea ta’ ħarsa lejn il-provvedimenti tad-Direttiva u kkontenda li dawn ma kienux inkisru. Żied li dan kien programm ripetut u l-Awtorità kienet avżata minn qabel dwaru u din ma’ kienitx oġġezzjonat.
L-Avukat Michael Schiriha ikkontenda li fl-imsemmi programm il-preżentatur kien qiegħed jipprofessa it-twemmin tiegħu pubblikament, ħaġa li kellu dritt jagħmel. Żied li l-programm ma kienx programm ta’ diskussjoni u ma trattax biss is-sagrament taż-żwieġ u fl-ebda mument ma ingħataw direttivi b’konnessjoni mar-referendum. L-Avukat Schiriha sostna li l-‘objective test’ rilevanti għall-akkuża ma kienx jirriżulta.
L-Awtorità ħadet konjizzjoni tas-sottomissjonijiet tal-partijiet u filwaqt li kkonstatat li kien veru li l-iskeda kienet intbagħet lill-Awtorita, sostniet li l-istess skeda ma kienitx tindika l-kontenut u r-riferenzi diretti għas-suġġett tad-divorzju li ma kienux permessi jsiru waqt il-ġranet tas-silenzju kif tistabbilixxi d-Direttiva.
L-Awtorità saħqet li bl-ebda mod ma kellha l-intenzjoni li żżomm li xi ħadd milli jipprofessa t-twemmin tiegħu pubblikament u dan jixhdu l-fatt li fl-ebda stadju l-anqas waqt il-kampanja referendarja ma żammet lill-istess stazzjon milli jesponi l-fehmiet tiegħu dwar it-twemmin, anke f’dak li għandu x’jaqsam mas-suġġett tad-divorzju. Fl-istess waqt l-Awtorità sabet li partijiet mill-programm in kwistjoni ma kienux espressjoni ta’ twemmin imma kummenti u riferenzi għas-suġġett tad-divorzju li skont id-Direttiva tal-Awtorita maħruġa bis-setgħa li tagħtiha l-liġi u ċjoè Artiklu 15 Kapitlu 350 tal-liġijiet ta’ Malta, ma setgħux isiru waqt il-ġranet tas-silenzju qabel ir-Referendum.
L-Awtorità ma qablitx mas-sottomissjoni tal-istazzjon, li għax il-programm ma kienx wieħed ta’ diskussjoni u ma ngħatawx direttivi allura ma kienx hemm ksur tad-Direttiva maħruġa mill-Awtorità. Id-Direttiva tirreferi għall-projbizzjoni ta’ kull forma ta’ xandir li jista’ jinfluwenza lill-votanti.
Meta qieset fid-dettal dan kollu l-Awtorità qablet li l-akkuża kienet ġiet ippruvata u ddeċidiet li timponi l-penali relattiva ta’ erbat elef sitt mija u sittin Ewro (€4,660) liema impożizzjoni ta’ penali kienet sospiża għal tletin xahar u marbuta esklussivament ma’ Direttivi tal-Awtorità dwar Programmi u Reklami imxandra waqt l-Elezzjonijiet u Referenda.