RTK 103 - Dritt ta' risposta - 18 ta' Mejju 2024




Deċiżjoni għall-ilment imressaq mill-Partit Imperium Europa kontra RTK 103  minħabba dritt ta’ risposta għal programm datat 18 ta’ Mejju 2024

 

Permezz ta’ lment urġenti mressaq mill-Partit Imperium Europa (IE) nhar it-30 ta’ Mejju 2024, is-Segretarju Ġenerali Josiah Vella rrefera għal programm tat-18 ta’ Mejju 2024 preżentat mill-Prof. Andrew Azzopardi u li matulu ntqalu kummenti mill-opinjonist is-Sur Peppi Azzopardi li l-partit lanjant oġġezzjona dwarhom.

Għas-smigħ organizzat nhar l-31 ta’ Mejju 2024, dehru s-Sur Kevin Papagiorcopulo u s-Sinjura Amanda Ciappara għal Beacon Media Group Limited assistiti minn Dr Maurice Meli. Għal Imperium Europa deher is-Sur Charles Sammut, teżorier.

Dr Maurice Meli, f’isem Beacon Media Group Limited, oġġezzjona għall-preżenza ta’ Dr Adriano Spiteri bħala segretarju tal-Bord minħabba n-natura tal-kwistjoni talab li jiġi rtirat u sostitwit. Hu vverbalizza s-segwenti:

“Din it-talba qed issir minħabba l-fatt illi huwa fatt mhux kontestat illi fil-passat Dr Spiteri kien esponent ewlieni tal-Partit lanjant Imperium Europa tant illi għall-perjodu ta’ bejn Jannar u April tal-2019 iffirma bħala segretarju ġenerali tal-istess Imperium Europa, statement of comprehensive income tal-Partit lanjant Imperium Europa. Qed jiġi preżentat ukoll artiklu tal-2014 fejn l-istess Dr Adriano Spiteri jitqies bħala campaign manager for the far-right party Imperium Europa. Illi din it-talba qed issir stante l-fatt illi l-ġustizzja mhux biss trid issir iżda trid tidher li qed issir. Wieħed jassumi illi se jiġi sottomess illi s-segretarju tal-Bord ma għandux seta’ li jkollu effett fuq id-deċiżjoni de quo. Jiġi sotomess illi Beacon Media Group Limited ma taqbilx ma’ tali sottomissjoni stante l-fatt illi huwa pależi u mhux kontestat illi fost l-irwoli tiegħu bħala segretarju eżekuttiv għandu fost irwoli oħrajn, l-irwol illi jagħmel sunt ta’ sottomissjonijiet li jsiru u ta’ xhieda. Sunt li ma jistax isir mingħajr ħsieb kritiku ta’ dak li l-persuna konċernata tqis illi huwa ta’ importanza jew ta’ rilevanza għall-każ in kwistjoni illi. Fil-każ illi t-talba  tiġi rifjutata, s-soċjetà Beacon Media Group Limited min issa tirriserva li tieħu l-passi opportuni fiċ-ċirkustanzi”.

F’dan l-istadju l-partijiet ħallew is-seduta sabiex il-Bord jiddeċiedi dwar dak rikjest, nkluż is-segretarju li ħass li kellu jagħmel dan għal kull bon fini.

Wara li l-Bord ħadet konjizzjoni tat-talba, ddeċieda kif ġej:

“Il-Bord ħa konjizzjoni tal-verbal u talba ta’ Beacon Media Group Ltd sabiex jirrikużaw u konsegwentement jigi sostitwit is-Segretarju tal-Bord.

Is-soċjeta’ Beacon Media Group Ltd issollevat numru ta’ punti in sosten tat-talba tagħha ossija (i) li s-Segretarju tal-Bord, Dr. Adriano Spiteri, kien, fil-passat, persuna involuta u ufficjali tal-Partit IE. (ii) li l-ġustizzja għandha mhux biss issir, iżda tidher li ssir (iii) li wieħed mill-irwoli tas-Segretarju tal-Bord huwa li joħloq “sunt kritiku” tal-udjenzi u konsegwentement għandu jigi rikuzat u sostiwit ghal dan l-ilment.

Il-Bord, wara li ra l-funzjonijiet tas-Segretarju tal-Bord, fosthom dawk li jieħu l-minuti tal-laqgħat tal-Bord u tal-udjenzi quddiem l-istess Bord, wara li rat ukoll li l-istess Segretarju, skond id-disposizzjonijiet tal-Kap. 350 tal-Liġijiet ta’ Malta m’għandux rwol aġġudikattiv jew deċiżiv f’kwalunkwe stadju tal-proċeduri li jinstemgħu mill-Bord. Rat ukoll li, anke l-minuti li jittieħdu mis-Segretarju tal-Bord, inkluż dawk tal-udjenzi jew smigħ li jsiru quddiem il-Bord, jiġu dejjem moqrija u approvati mill-membri individwali tal-Bord, u għalhekk ma jista’ jkun hemm ebda biża ta’ xi ‘sunt kritiku’ kif jisħqu Beacon Media Group Limited.

Għal dawn ir-ragunijiet, it-talba ta’ Beacon Media Group Ltd qed tiġi miċħuda u l-Bord jordna l-prosegwiment tas-smigħ.”

Dr Maurice Meli rreġistra risposta vverbalizzata kif ġej:

“F’isem Beacon Media Group Limited qed tintalab, in vista tad-digriet li għadhu kif ingħata, referenza kostituzzjonali lill-Prim’ Awla tal-Qorti Ċivili u dan stante fl-opinjoni ta’ Beacon Media Group Limited, ksur potenzjali tad-dritt tas-smigħ xieraq fil-proċeduri odjerni. Referenza ssir għall-kawż fl-ismijiet Bank of Valletta plc vs Joseph Attard et tal-Qorti Kostituzzjonali in data 19 ta’ Frar 2008 liema sentenza tikkonferma illi referenza ta’ dan it-tip tista’ ssir anke minn Bord”

F’dan l-istadju l-partijiet reġgħu irtiraw mis-seduta sabiex il-Bord jiddeċiedi dwar dak rikjest.

Il-Bord iddeċida kif ġej:

“L-Awtorità ħadet konjizzjoni tat-talba ta’ Beacon Media Group Limited sabiex dan il-Bord jirreferi l-kwistjoni sollevata minnha lill-Prim’ Awla tal-Qorti Ċivili fis-sede Kostituzzjonali tagħha b’referenza kostituzzjonali. L-Awtorità ħadet konjizzjoni wkoll tas-sentenza ċitata mis-soċjetà Beacon Media Group Limited li skontha l-Qorti Kostituzzjonali ddeċidiet li referenza mill-“bord” hija permissibbli.

L-Awtorità, wara li qieset li t-talba tas-soċjetà Beacon Media Group Limited qed issir fit-termini tal-Artikolu 46(3) tal-Kostituzzjoni ta’ Malta u/jew fit-termini tal-Arikolu 4(3) tal-Kap.319 tal-liġijiet ta’ Malta tqis illi testwalment l-istess dispożizzjonijiet jippermettu referenzi biss minn “qorti”.

Peress li huwa evidenti li l-Bord tal-Awtorità tax-Xandir, minkejja lir-rwol aġukattiv tiegħu f’ċirkostanzi ta’ lmenti u smigħ ieħor mhux “qorti”, dan neċessarjament ifisser li l-bord m’għandux is-seta li jagħmel referenzi kostituzzjonali jew konvenzjonali kif qed titlob Beacon Media Group Limited.

Il-Bord jagħmel referenza (fost ħafna deċiżjonijiet oħra simili) għad-deċiżjoni ta’ bordijiet oħra nkluż Emmanuel Bezzina et kontra Madeleine Bezzina deċiża mill-Bord li jirregola l-kera fit-28 t’Ottubru 2022 kif ukoll bħala deċiżjoni tal-Bord li jirregola l-kera tat-12 ta’ Diċembru 2023 bl-ismijiet Stefanotis Company Limited versus Paul Tonna et fejn f’dawn -istanzi l-Bord jkikkonferma li huwa m’għandux seta legali li jirreferi kwistjonijiet kostituzzjonali jew konvenzjonali skont id-dispożizzjonijiet hawn fuq imsemmija. Anke fis-sentenza Margarite Psaila et vs RoseMarie Camilleri deċiża fil-21 t’April 2023 mill-Prim’ Awla fil-funzjoni Kostituzzjonali tagħha kkonfermat li Bord (f’dak il-każ il-bord li jirregola l-kera) mhux qorti għall-finijiet ta’ referenza.

Fis-sentenza ċitata minn Beacon Media Group Limited, il-Qorti Kostituzzjonali ma ddeċidietx li Bord għandu s-seta li jagħmel referenza iżda jirriżulta li l-qari tal-istess sentenza li l-Qorti Kostituzzjonali eżaminat biss kwistjonijiet oħra ormai li l-bord, f’dak il-każ, u erronjament, kien aċċetta li jagħmel referenza. Il-pożizzjoni ġurisprudenzjali kemm lokali kif ukoll tal-Qorti Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem hija ċara fil-pożizzjoni tagħha u fl-interpretazzjoni tagħha dwar liema fora għandhom is-seta li jagħmlu referenza. Għaldaqstant il-Bord qed jiċħad it-talba għal referenza kostituzzjonali u/jew konvenzjonali tas-soċjetà Beacon Media Group Limited u jordna l-prosegwiment tas-smigħ.”

Għal Imperium Europa, s-Sur Charles Sammut spjega li mhux talli RTK, kif obbligat mill-liġi qatt ma stieden rappreżentant ta’ Imperium Europa. Iżda wkoll li ġie mistieden is-Sur Peppi Azzopardi li semma lil Norman Lowell mingħajr ma kien hemm ħadd jirribatti. Għalhekk il-Bord qed jintalab jimxi mal-liġi.

Dr Maurice Meli staqsa jekk ġietx miżinterpretata l-opinjoni tas-Sur Norman Lowell. Is-Sur Charles Sammut wieġeb fil-pożittiv. Staqsa wkoll jekk il-programm kienx politiku u s-Sur Charles Sammut wieġeb li politika u/jew ta’ ġrajjiet kurrenti.

Dr Maurice Meli kwota mill-kummenti li qal Peppi Azzopardi u staqsa ġewx indirizzati dawn it-temi, bis-Sur Charles Sammut iwieġeb li l-partit irid jirribati dak li ntqal.

Dr Alessandro Lia, membru tal-Bord, qal li l-ilment jasal meta l-parti li jipproponi r-risposta, x-xandar ma jirreklamax dik ir-risposta. Qal li din l-email issa qed jingħad li mhix ir-risposta iżda talba sabiex issir risposta.

Is-Sur Frans Ghirxi, membru tal-Bord, staqsa jekk l-istazzjon hux qed jaqbel mal-kontenut. Dr Maurice Meli kkonferma dan u rrimarka wkoll li t-titlu huwa “dritt tar-risposta”.

Iċ-Chairperson kwota mill-email u qal li filwaqt li hemm il-URL, hemm test bl-inverted commas li jidher li din hija r-risposta per se.

Għal dan is-Sur Charles Sammut wieġeb li però din mhix ir-risposta per se u wara ta x’wieħed jifhem li s-segretarju ġenerali kien potenzjalment qed jikkusnidra t-test bħala r-risposta nnifisha.

Dr Maurice Meli kwota minn Artikolu 15 ta’ Kap. 579 u qal li jekk wieħed jara d-dritt ta’ risposta u jqabbel mat-test lanjat wieħed jara li d-dritt ta’ risposta u t-test lanjat ma għandhom x’jaqsmu xejn flimkien. Għamel ukoll referenza għal Artikolu 15(3) tal-istess Kap u qal li jekk wieħed jirreferi għar-risposta tal-partit Imperium Europa jsib li ma hemmx raġuni li din tiġi  mxandra u li għandha tiġi skartata. Irrefera wkoll madankollu għat-tielet paragrafu tar-risposta proposta fejn qed jiġi allegat li kien hemm ksur tad-dirtettiva tal-Awtorità tax-Xandir fir-rigward tal-episodju in kwistjoni u qal li dan mhux fatt skorrett iżda gidba faħxija u defamatorja u li allura pależament din id-diċitura, skont l-istess artiklu hija defamatorja. Għal din ir-raġuni wkoll talab li l-lanjanza tiġi miċħuda. Saret ukoll referenza għat-tieni proviso ta’ paragrafu 15. Qal li din kienet xandira kif preżentata lill-Awtorità tax-Xandir in ottemporanza mad-direttiva tal-Awtorità tax-Xandir datata 18 t’April 2024 liema skeda hija approvata.

Dr Maurice Meli qal ukoll li dwar l-istedina tal-partit, ebda kandidat fil-perjodi kollu mit-29 t’April 2024 ma ġie mistieden. Qal ukoll li kien hemm firxa wiesa ta’ opinjonisti. Qal li għal dan iwieġeb li ma jistax ikun li Beacon Media Group Limited ma nkludiex firxa wiesa. Qal li t-test qed jiġi oġġezzjonat kif spjegat.

Is-Sur Charles Sammut wieġeb li l-liġi tgħid li l-programmi jridu jiġi preżentati b’bilanċ u mparzjalità u li dan mhux il-każ. Qal li firxa wiesa’ ma kienx il-każ peress li ġew mistiedna nies ta’ naħa waħda biss għax bl-opinjoni ta’ Imperium Europa ma kien hemm ħadd.

F’dan l-istadju l-partijiet ħallew is-seduta sabiex il-Bord jiddeċiedi l-ilment.

Il-Bord ra l-komunikazzjoni ta’ Imperium Europa tat-30 ta’ Mejju 2024 fejn fiha ntalab dritt ta’ risposta mill-istazzjon RTK103. Il-Bord qies li fil-kors tas-smigħ, ir-rappreżentanza tal-partit lanjant issottometta li dik il-komunikazzjoni ma kenitx tikkontjeni ir-risposta li l-partit Imperium Europa kien qed jippretendi li tiġi mxandra iżda li kienet talba biex jingħata dritt iressaq ir-risposta li xtaq li tiġi mxandra. Jekk inhu hekk, il-Bord ma jistax jieħu konjizzjoni tal-ilment inkwantu tali lmenti jistgħu jiġu meqjusa jekk ix-xandar jonqos milli jippubblika l-kontenut tar-risposta, jalterah b’mod irregolari, jikkummenta f’nofs ir-risposta nnifisha u raġunijiet oħra kif elenkati fir-regolament 8.15 tal-leġislazzjoni sussidjarja 350.14 u dawk skont il-Kap. 579 tal-liġijiet ta’ Malta. Iżda l-Bord jagħraf ukoll li fil-komunikazzjoni tat-30 ta’ Mejju 2024, hemm paragrafu bil-kwotazzjonijiet li jagħti x’jifhem li hija proprju dik ir-risposta li l-partit lanjant qed jitlob li tiġi mxandra b’reazzjoni għall-programm tat-18 ta’ Mejju 2024 fuq RTK103. Jekk hija din l-interpretazzjoni korretta (u fl-aħħar tas-smigħ il-lanjant ikkonċeda li min bat il-komunikazzjoni f’isem il-partit hekk potenzjalment ried), mela allura il-Bord għandu jeżamina jekk dik ir-risposta taqax fil-parametri ta’ dritt ta’ risposta skont ir-regolamenti applikabbli. Jidher li l-ilment tal-partit jikkonċerna tlett dikjarazzjonijiet li saru mill-mistieden tal-programm is-Sur Peppi Azzopardi u anke xi dikjarazzjonijiet li saru mill-preżentatur il-Prof. Andrew Azzopardi. Wara li l-Bord eżamina l-kontenut tar-risposta iqis li din bl-ebda mod ma twieġeb għal xi dikjarazzjonijiet li saru matul il-programm u għalhekk mhix qiegħda biex tikkoreġi, tikkontradixxi jew tispjega id-dikjarazzjonijiet magħmula waqt il-programm u ssarraf biss f’sottomissjoni ġenerika tal-fehma jew fehmiet tal-partit lanjant. Għalhekk f’kwalunkwe każ, l-ilment tal-partit Imperium Europa qed jiġi miċħud.

 

31 ta’ Meju 2024

Smigħ 08/2024 Numru 8

Ref: 33/24