RTK - Artiklu 15 - Ġunju 2017




Deċiżjoni dwar l-Akkuża fil-konfront ta’ RTK

L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ RTK rigward allegat ksur ta’ Artiklu 15 tad-Direttiva maħruġa mill-Awtorità tax-Xandir għall-perjodu 8 ta’ Mejju sat-3 ta’ Ġunju, 2017.

L-Awtorità semgħet lill-Kap Eżekuttiv u lis-Sur Anton Attard u Ms Sylvana Debono li dehru f’isem u in rappreżentanza tal-istazzjon, f’seduta li nżammet fl-4 ta’ Lulju, 2017.

Minn naħa tiegħu s-Sur Attard qal li l-istazzjon qatt ma kellu problemi mal-Awtorità u mhux hekk biss fil-Kampanja Elettorali li għaddiet l-istazzjon kien irrifjuta li jidħol f’negozjati u kuntratti bi ħlas dwar ix-xandir ta’ PSAs tal-Gvern u dan minkejja li dan kien ifisser telf ta’ dħul konsiderevoli għall-istazzjon.

Is-Sur Attard qal li l-każ in kwistjoni kien seħħ wara li l-produtturi tiegħu kienu aċċertaw lill-istazzjon li dan kelluu l-clearance tal-istess Awtorità. Żied li rriżulta li dan ma kien minnu xejn u hekk kif inġibdet l-attenzjoni tal-istazzjon dan l-ispot ġie irtirat mill-ewwel.

L-Awtorità ħadet nota tas-sottomissjonijiet tal-partijiet u filwaqt li ddeċidiet li l-akkuża kienet ġiet ippruvata, tenut kont tal-fatt li dan kien każ iżolat (okkazjoni waħda) u li l-istazzjon aġixxa b’mod tempestiv biex jirrimedja n-nuqqas meta ġie infurmat li kien irriżulta ksur ta’ direttiva, iddeċidiet li ma kienetx ser timponi l-penali dovuta iżda li din kellha twiddeb lill-istazzjon biex ma jirrepetix tali nuqqas fil-futur.

Illum 21 ta’ Lulju, 2017