RTK - Edizzjoni Speċjali - 11 t'Ottubru 2014




L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ RTK dwar xandira tal-11 t’Ottubru, 2014 fejn ġie allegat ksur ta’ paragrafu 4 tat-Tielet Skeda tal-Att dwar ix-Xandir meta tul dan il-programm kien hemm diversi waqtiet fejn tkellmet Vinnie Piscopo u għaddiet rimarki li jitqiesu ta’ natura reklamatorja bħal “Ġewwa Piscopo Gardens tista’ ssib dak kollu li għandek bżonn għall-annimal tiegħek – klieb, qtates, ferrets, għasafar.”  Kien hemm waqtiet oħrajn tul it-trasmissjoni li fihom Vinnie Piscopo kompliet tagħmel rimarki dwar Piscopo Gardens li huma meqjusa bħala reklam, inkluż l-attivitajiet li kien hemm ippjanati f’Piscopo Gardens l-għada l-Ħadd.

L-Awtorità semgħet kemm lill-Kap Eżekuttiv kif ukoll lill-Fr John Avellino, Chairman tal-kumpannija RTK Limited, u lis-Sinjuri Karl Wright Editur u Joe Micallef, Sales and Marketing Manager li dehru f’isem u in rappreżentanza tal-istazzjon, f’seduta li nżammet fid-9 ta’ Diċembru, 2014.

Fr John Avellino issottometta li din kienet trażmissjoni speċjali minn Piscopo Gardens b’intenzjoni reklamatorja u skont hu dan il-fatt kien kontinwament indikat mill-preżentatriċi.  Żied li l-mod kif saru l-avviżi ma kien iħalli l-ebda dubbju f’moħħ is-semmiegħa dwar in-natura tat-trażmissjoni u għalhekk kien iħoss li l-akkuża ta’ nuqqas ta’ separazzjoni ma kienetx tissussisti.

Fr Avellino qal li in oltre l-istazzjon dejjem jagħmel ħiltu kollha sabiex jaderixxi mar-regolamenti u l-liġijiet tax-Xandir u fil-fatt wara dan il-każ kienet diġà intalbet laqgħa ma’ uffiċċjali tal-Awtorità sabiex ikunu ċċarati aħjar xi diffikultajiet. 

Is-Sur Wright qal li l-istazzjon kien għażel li jikkontesta din l-akkuża proprju biex jiddiskuti l-interpretazzjoni tal-provvedimenti relattivi tal-liġi u dan minħabba l-fatt li ma kienx ċar fejn u kif l-istazzjon kien naqas.

Minn naħa tiegħu is-Sur Micallef qal li minkejja li huwa kien impjegat ġdid tal-istazzjon kien diġà beda jieħu miżuri sabiex il-produtturi jkunu pprovduti b’linji gwida dwar ir-regolamenti u l-liġijiet li kellhom isegwu u josservaw.

L-Aworità ħadet konjizzjoni tas-sottomissjonijiet tal-partijiet filwaqt li fehmet li l-istazzjon setgħa kien taħt l-impressjoni li kien permess li jsir programm sħiħ li kien pubbliċitarju u ma kienetx l-intenzjoni tal-istazzjon li jikser il-provvedimenti tal-Liġi dwar ix-Xandir  iddeċidiet li l-akkuża kienet ġiet ippruvat, u qablet li peress li din kienet l-ewwel darba li l-istazzjon instab ħati ta’ tali ksur, u l-istazzjon kien għamilha ċara li ser jieħu l-passi kollha biex il-preżentaturi kollha jkunu konformi ma’ dak li titlob il-Liġi, kellha twiddeb l-istazzjon sabiex ma jirrepetix l-istess nuqqasijiet. 

12 ta’ Diċembru, 2014