RTK - Għalina Lkoll - 14 t'April, 2013




L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ RTK dwar il-programm Għalina Lkoll tal-15 t’April, 2013 fejn ġie allegat li kien hemm ksur ta’ Paragrafu 2.1 tal-Ħtiġijiet dwar Standards u Prattika dwar il-Prezz ta’ Telefonati u SMSs fil-Mezzi tax-Xandir meta l-istazzjon naqas milli jxandar il-prezz tal-SMSs kif obbligat bil-liġi.

L-Awtorità semgħet kemm lill-Kap Eżekuttiv, lil Fr John Avellino, Chairman ta’ RTK u lil Ms Sylvana Magro, Marketing Manager tal-istazzjon, f’laqgħa li nżammet fis-7 ta’ Mejju, 2013.

Minn naħa tiegħu Fr John Avellino filwaqt li kkonferma n-nuqqas minn naħa tal-istazzjon irrileva li d-direzzjoni tal-istazzjon kienet minn dejjem impenjata sabiex il-liġijiet u regolamenti tax-xandir jiġu osservati bl-aktar mod rigoruż u sħiħ. Żied li dwar dan in-nuqqas kienet inħarġet twiddiba mill-preżentatriċi konċernata u ttieħdu l-miżuri u ingħataw struzzjonijiet sabiex jitwaħħlu avviżi fl-istudio bil-għan li dan in-nuqqas ma jerġax jiġi ripetut.

L-Awtorità wara li ħadet konjizzjoni tas-sottomissjonijiet tal-partijiet inkluż l-ammissjoni min naħa tal-istazzjon iddeċidiet li l-akkuża kienet ġiet ippruvata, madanakollu peress li din kienet l-ewwel darba li l-istazzjon instab ħati ta’ tali ksur qablet li kellha twiddeb lill-istazzjon sabiex ma jirrepetix tali nuqqas.

15 ta' Mejju 2013