RTK - Ġita mal-Brittania Tours - 8 ta’ Marzu, 2013




L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ RTK dwar il-programm Ġita mal-Brittania Tours tat-8 ta’ Marzu, 2013 u Ksur ta’ Paragrafu 4 tat-Tielet Skeda tal-Att Dwar ix-Xandir meta fl-imsemmi programm ma saritx distinzjoni ċara bejn l-element reklamatorju u l-kontenut.

L-Awtorità semgħet kemm lill-Kap Eżekuttiv, lil Fr John Avellino, Chairman ta’ RTK u lil Ms Sylvana Magro, Marketing Manager tal-istazzjon, f’laqgħa li nżammet fis-7 ta’ Mejju, 2013.

Fr Avellino filwaqt li ammetta n-nuqqas tal-istazzjon irrileva li huwa kien ħa azzjoni immedjata kemm biex jissestitizza lill-preżentatriċi u kif ukoll sabiex tali nuqqas ma jerġax javvera ruħu.

L-Awtorità wara li ħadet konjizzjoni tas-sottomissjonijiet tal-partijiet inkluż l-ammissjoni min naħa tal-istazzjon iddeċidiet li l-akkuża kienet ġiet ippruvata, madanakollu peress li din kienet l-ewwel darba li l-istazzjon instab ħati ta’ tali ksur qablet li kellha twiddeb lill-istazzjon sabiex ma jirrepetix tali nuqqas.

15 ta’ Mejju, 2013