Deċiżjoni dwar l-ilment assistit bl-akkuża, imressaq mill-Partit Imperium Europa kontra RTK 103 rigward kliem defamanti u abbużiv fil-konfront tas-Sur Norman Lowell mill-Prof. Andrew Azzopardi waqt il-programm Andrew Azzopardi on RTK103 tal-14 ta’ Ottubru 2023
Dan l-ilment tressaq mis-Sur Josiah Vella, Segretarju tal-Partit Imperium Europa nhar it-30 t’Ottubru 2023 minħabba dak li hu sejjaħ malizzja u diskriminazzjoni li l-Prof. Andrew Azzopardi konxjament u intenzjonalment ħoloq b’rimarki dikjarattivi fuq il-Kap tal-istess Partit, is-Sur Norman Lowell, u dan matul il-programm tiegħu ‘Andrew Azzopardi on RTK103’ nhar l-14 t’Ottubru 2023.
Stante li dan l-ilment jikkwalifika bhala ilment taħt ir-regolament 4 tal-Legislazzjoni Sussidjarja 350.07, in kwantu l-lanjanza tista’ tikkwalifika bhala ksur tal-Artikolu 34 (1) (a) tal-Kap. 350 tal-Ligijiet ta’ Malta, l-Awtorita’, ai termini tal-istess Legislazzjoni Sussidjarja, akkuzat lix-Xandar b’din id-dispozizzjoni in segwitu ghal dan l-ilment.
F’email li s-Sur Josiah Vella bagħat lil RTK103 dakinhar tax-xandira, hu qal li l-preżentatur għamel theddida diretta lill-Awtorità tax-Xandir meta wissa li hu mhux se jistieden lis-Sur Lowell, la jekk jintrabat mal-bieb u anqas fl-isfond ta’ Direttiva. Is-Sur Josiah Vella kkundanna dan l-aġir permezz tal-kommunikazzjoni mal-istazzjon RTK103 li nkludiet referenzi għal ksur tal-imparzjalità u bilanċ u li nħalqu permezz tal-minaċċja u ċensura politika.
Fir-risposta mibgħuta mis-Sur Kevin Papagiorcopulo, ix-xandar offra li jinqara sunt, bil-Partit Imperium Europa jilmenta li dan kien se jqiegħdu f’pożizzjoni agħar minħabba t-taħlit tal-prinċipji reliġjużi ma’ temi ta’ ġrajjiet kurrenti. Fl-istess skambju ta’ kommunikazzjoni bejn il-partijiet, is-Sur Josiah Vella ssuġġerixxa test ieħor li x-xandar oġġezzjona għalih. Għalhekk il-Partit Imperium Europa ressaq l-ilment quddiem il-Bord tal-Awtorità tax-Xandir nhar it-30 t’Ottubru 2023, fejn talab ukoll lill-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tieħu konjizzjoni tar-raba’ paragrafu tal-L.S. 350.07. L-Awtorità laqgħet din it-talba a bażi ta’ ksur ta’ Art. 34 ta’ Kap. 350 u appuntat is-smigħ għall-11 ta’ Jannar 2024, wara li ġiet milqugħa talba mill-istazzjon għal differiment.
Matul is-smigħ, Dr Joanna Spiteri, Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tax-Xandir, spjegat li hi kienet aċċettat stedina għal dan il-programm mal-Prof. Andrew Azzopardi u li matulu saru kummenti li hi ħasset li jmorru kontra Art. 34 (1)(a) tal-Att dwar ix-Xandir. Qalet li l-Awtorità kienet qed tirreferi għal potenzjalment ksur skont Art.4 tal-L.S.350.07. Il-Kap Eżekuttiv iddefiniet il-kummenti tal-Prof. Andrew Azzopardi bħala minaċċjanti kontra l-istess Awtorità meta saru fil-konfront tagħha. Hi rrimarkat li l-istess preżentatur kien diġà kiser direttiva maħruġa mill-Awtorità tax-Xandir waqt l-elezzjoni ġenerali 2022. Għalhekk staqsiet jekk dan hux ser jerġa’ jseħħ fil-kuntest tad-Direttiva li se tinħareġ għall-elezzjonijiet tal-MEP tas-sena 2024, kif iddikjara l-Prof. Andrew Azzopardi.
Wara li nstemgħet dik il-parti tal-programm li għaliha lmenta l-Partit Imperium Europa, is-Sur Josiah Vella qal li ħafna mill-affarijiet ħarġu mill-istess stqarrija tal-preżentatur u spjega li hu kien bagħat sunt lix-xandar u li ma kienx hemm qbil bejn il-partijiet dwar it-test li jrid jiġi moqri bħala dritt ta’ risposta.
Dr Maurice Meli, konsulent legali għal RTK103, wieġeb li minkejja d-dikjarazzjoni tal-Prof. Andrew Azzopardi, ma jfissirx li l-bibien ta’ RTK103 huma magħluqin għall-Partit Imperium Europa. Qal ukoll li Dr Adriano Spiteri, li dakinhar kien esponent tal-Partit Imperium Europa, kien saħansitra mistieden fuq l-istess stazzjon fl-2020 u għadda l-veduti tiegħu waqt l-istess programm kondott mill-istess preżentatur. Dr Maurice Meli kkonkluda li dan kien jixhed għall-fatt li x-xandar ma kienx qed joħloq forom ta’ ċensura kontra l-Partit Imperium Europa. Dr Maurice Meli stieden lis-Sur Kevin Papagiorcopulo jesibixxi tliet sentenzi, tnejn mogħtija mill-Awtorità tax-Xandir dwar kummenti mis-Sur Norman Lowell u waħda mill-Imħallef Lawrence Quintano fl-2013. Dr Maurice Meli staqsa wkoll x’kienet eżattament il-ħsara li l-Partit Imperium Europa kien qed jalludi għaliha.
Is-Sur Charles Sammut, teżorier tal-Partit Imperium Europa, wieġeb li bil-kliem li ntqal ġie nġurjat il-Kap tal-Partit Imperium Europa meta ġie riferit mill-Prof. Andrew Azzopardi b’mod impudenti bħala razzist u xenofobiku u meta fis-sentenza tal-Imħallef Lawrence Quintano tas-sena 2013, li x-xandar irrefera għaliha matul il-korrispondenza ta’ qabel is-smigħ, sabet lis-Sur Norman Lowell ħati fuq il-probabbiltà ta’ razziżmu. Hu spjega li l-Prof. Andrew Azzopardi mar oltre minn hekk l-għaliex saħansitra ddikjara, u dan minkejja li stazzjon huwa liċenzjat li jxandar programmi dwar ġrajjiet kurrenti fejn obbligat iħaddan l-elementi ta’ Art.13 u Art.34 ta’ Kap.350, li matul il-programm tiegħu fuq RTK103 mhux biss mhux se jkun mistieden il-Kap tal-Partit iżda li saħansitra lest jikser direttivi maħruġa mill-Awtorità tax-Xandir. Is-Sur Charles Sammut qal li din tammonta għal ċensura u diskirimazzjoni politika lampanti u li minħabba fiha ma jistgħux jinstemgħu punti di vista differenti kif titlob il-liġi.
F’intervent qsajjar, is-Sur Norman Lowell qal li l-intenzjoni tal-Partit mhix li jiġi mmultat RTK103 ta’ nuqqas ikkawżat mill-Prof. Andrew Azzopardi, iżda li ssir ġustizzja.
Il-Bord wieżen l-argumenti mressqa u ddeċieda li jilqa’ l-ilment fis-sens li, il-kummenti tal-Prof. Andrew Azzopardi kienu barra minn posthom u tbiegħdu minn sempliċi opinjoni, iżda ammontaw għal dikjarazzjoni. Il-Bord qies ukoll li l-preżentatur seta’ ressaq l-argument bla ma jsemmi persuni partikolari u nnota li x-xandar la ħareġ ebda stqarrija sabiex jallontana ruħu mill-veduti tal-preżentatur, u f’kull każ, xorta waħda jibqa’ responsabbli għall-kontenut tax-xandira.
Għaldaqstant il-Bord qiegħed jilqa’ l-ilment tal-Partit Imperium Europa u konsegwentement qed jiddikjara ksur tal-Artikolu 34(1)(a) tal-Kap. 350 tal-Ligijiet ta’ Malta, reat li jġorr miegħu penali ta’ Euro1,750, u konsegwentement qed jikkundanna lill-istazzjoni RTK103 ihallas din il-penali ta’ Euro1,750.
Peress li l-istess stazzjon, permezz tad-deċiżjoni ta’ nhar l-4 ta’ Awwissu 2022, kien ingħata penali ta’ Euro4,660 ai termini tal-Kap. 350 tal-Ligijiet ta’ Malta kontra nuqqasijiet oħra, liema penali pero’ kienet sospiza ghall-perjodu ta’ tliet (3) snin mid-data tal-istess decizjoni, u stante li din l-offiża twettqet matul dak il-perjodu operattiv ta’ dik id-deċiżjoni tal-4 ta’ Awwissu 2022, il-Bord ma kellux triq oħra għajr li jordna wkoll il-ħlas immedjat tal-istess penali, għal total ta’ Euro6,410, liema ammont komplessiv għandu jitħallas mill-istazzjon RTK103 sa mhux aktar tard minn 60 jum mid-data ta’ din id-deċiżjoni.
22 ta’ Jannar 2024
Smigħ 01/2024 Numru 4
Ref:88/23