RTK103-Andrew Azzopardi on RTK103-Ksur tad-direttiva




Deċiżjoni rigward ilment imressaq mill-Partit Imperium Europa assistit b’akkuża kontra RTK103 dwar il-programm Andrew Azzopardi on RTK103 rigward ksur tad-direttiva maħruġa mill-Awtorità tax-Xandir

 

 

L-Awtorità tax-Xandir kellha quddiemha lment imressaq mill-Partit Imperium Europa rigward ksur tad-direttiva maħruġa mill-istess Awtorità tax-Xandir nhar it-18 ta’ April 2024 u li kienet tapplika għal matul il-perjodu tal-kampanja elettorali tal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew.

 

L-ilment ta’ Imperium Europa, datat 30 ta’ Mejju 2024, kien jirreferi għall-programm ta’ ġrajjiet kurrenti fuq RTK103.

 

Inżammew numru ta’ seduti għal dan is-smigħ. Nhar is-6 ta’ Ġunju 2024, dehru s-Sur Charles Sammut in rappreżentanza tal-Partit Imperium Europa kif ukoll is-Sur Kevin Papagiorcopulo bħala l-editur tal-istazzjon lanjat, is-Sinjura Amanda Ciappara kif ukoll il-Professur Andrew Azzopardi, assistiti mill-Avukat Dr Maurice Meli.

 

Dr Peter Fenech, membru tal-Bord tal-Awtorità tax-Xandir, staqsa lir-rappreżentant ta’ Imperium Europa jekk kienx għad fadallu nteress fl-ilment. Is-Sur Charles Sammut wieġeb fil-pożittiv. F’dak l-istadju Dr Maurice Meli spjega li l-istazzjon ma kienx irċieva l-ilment mingħand l-Awtorità. F’dan l-istadju l-Bord ta kopja tal-ilment seduta stante u ddeċieda li s-smigħ kellu jiġi diferit sabiex l-istazzjon jingħata l-ħin biex jipprepara d-difiża tiegħu. Dan sar bi qbil bejn il-partijiet preżenti.

Wara s-smigħ, il-partit lanjant kiteb lill-Bord b’referenza għal sezzjoni 5 tal-imsemmija Direttiva u talab li fiċ-ċirkustanzi li l-Awtorità toħloq ġustizzja permezz tad-direttiva tagħha stess billi tisma’ u tiddeċiedi l-ilment qabel l-elezzjoni u mhux wara għax l-osservanza kellha tiġi kkunsidrata b'urġenza. Din il-kommunikazzjoni ġiet segwita b’oħra ftit wara fejn il-partit Imperium Europa għamel referenza għad-deċiżjoni tal-istess Bord tas-27 ta' Mejju fl-okkju PN vs PBS li kienet tgħid: “Dr Michael Piccinino żied li minħabba l-importanza ta' dan is-suġġett li qed jiddomina l-kampanja elettorali, qed jintalab smigħ urġenti. Il-Bord laqa’ din it-talba u skeda dan is-smigħ għal ftit sigħat wara”. Il-Partit lanjant ilmenta li mhux qed jingħata trattament ugwali.

Għal dawn ir-raġunijiet il-Bord ltaqa’ b’urġenza virtwalment sabiex jiddiskuti l-argumenti miġjuba u ħa konjizzjoni tal-kommunikazzjoni li possibilment ħalliet barra l-ilment oriġinali fil-komunikazzjoni tal-akkuża li ħarġet skont id-detti ta’ Kap. 350.07 lill-istazzjon. Il-Bord dderiġa lill-Kap Ezekuttiv tibgħat s-segwenti risposta lill-Partit lanjant fit-20:00 tal-istess jum:

“L-Awtorità ħadet konoxxenza tal-korrispondenza mibgħuta illum, waħda fil-15:54 u 17.42 iltaqgħet b'urġenza illejla sabiex tiddiskuti dawn iż-zewġ kommunikazjonijiet. L-Awtorità tagħmel referenza għall-fatti kif ġraw illum waranofsinhar senjatament illi dan is-smigħ segwa l-proċedura tad-direttiva u gie mibgħut direttament lill-Awtorità li dan is-smigħ instema' b'urġenza u minnufih li waqt dan is-smigħ l-istazzjon ġab għall-għarfien tal-board quddiem ir-rappreżentant tal-ilmentatur li ma kellux kopja tal-ilment formali imressaq minn Imperium Europa.

  Il-bord ħa nota tal-fatt li l-ilmentatur ma oġġezzjonax għal diferiment għal tempo vergine. Il-Bord għalhekk ipproċeda li  jikkonċedi differiment.

   Il-bord għalhekk tenut kont il-grajjiet kif ġraw wara nofsinhar kif ukoll tal-fatt li l-kampanja elettorali li tagħlaq minn hawn u erba' sigħat oħra tiddeċiedi li ma tilqax it-talba sabiex is-smigħ jiġi rikjamat għal-lejla stess”.

Il-Partit lanjant reġa’ wieġeb dakinhar stess. Għal dan il-Bord iddeċieda li din il-kommunikazzjoni ma kellhiex għalfejn tiġi mwieġba.

It-tieni smigħ kien skedat għall-20 ta’ Ġunju 2024, madankollu is-Sur Kevin Papagiorcopulo kiteb li ma setax jattendi. Għaldaqstant il-Bord iffissa it-tieni seduta għat-18 ta’ Lulju 2024. Għal dan is-smigħ dehru l-istess partijiet. Deher ukoll is-Sur Matthew Xuereb, l-editur il-ġdid tal-istazzjon lanjat u s-Sinjura Amanda Ciappara, Head of Programmes and Business Development, filwaqt li s-Sur Kevin Papagiorcopulo fil-kariga l-ġdida tiegħu bħala Kap Eżekutiv tal-Beacon Media Group Ltd, ngħaqad virtwalment. 

Iċ-Chairman fetaħ is-smigħ billi fakkar li din hija kontinwazzjoni tas-smigħ ta’ qabel l-elezzjoni u ċioè ta’ nhar is-6 ta’ Ġunju 2024.

Dr Maurice Meli qal li hu jixtieq iressaq żewġ eċċezzjonijiet fosthom dwar ir-rwol tas-segretarju tal-Bord u t-talba għar-rikuża tiegħu.

Il-Bord wieġeb li dwar din il-materja ġja kien hemm deċizjoni tal-Awtorità fl-ilment preċedenti bejn l-istess Partijiet.

Dr Maurice Meli xorta xtaq iressaq l-ilment tiegħu u spjega li quddiem l-Imħallef Aaron Bugeja hemm proċeduri pendenti u qal li għandu eċċezzjoni oħra dwar il-Kap Eżekuttiv. Dr Maurice Meli sostna li d-deċiżjoni tal-Qorti se jkollha mpatt dirett fuq l-andament ta’ dawn il-proċeduri. Qal li f’dik il-kawża qed jikkontestaw il-pożizzjoni legali tal-irwol tal-Kap Eżekuttiv fi ħdan l-Awtorità tax-Xandir u fi ħdan il-Bord. Għalhekk tenna li hu jemmen li s-sentenza ta’ dik il-kawża se jkollha impatt dirett fuq il-proċeduri mħaddna u li għalhekk l-Awtorità kellha tissospendi dawn il-proċeduri.

Dr Maurice Meli kompla billi vverbalizza kif ġej:

“Dr Maurice Meli għas-soċjetà Beacon Group Media Ltd jibda billi jissoleva żewġ punti preliminari.

Is-soċjetà Media Beacon Group Ltd toġġezzjona għall-preżenza ta’ Dr Adriano Spiteri fl-irwol tiegħu bħala Segretarju tal-Bord f’dawn il-proċeduri. Referenza ssir għax-xhieda li ta Dr Adriano Spiteri stess.

L-ewwel oġġezzjoni hi għall-preżenza tas-Segretarju għall-fatt stabbilit li Dr Adriano Spiteri kien esponent ewlieni fil-leadership tal-partit lanjant f’dawn il-proċeduri. B’mod speċifiku dwar l-ewwel oġġezzjoni s-soċjetà Beacon Media Group Ltd tagħmel referenza għax-xhieda ta’ Dr Adriano Spiteri fil-proċeduri tas-6 ta’ Ġunju 2024.

It-tieni oġġezzjoni, (li sejjaħ bħala punt prattiku) huwa s-sottomissjoni tal-proċeduri pendenti quddiem il-Prim’ Awla tal-Qorti Ċivili fl-ismijiet Beacon Media Group Ltd kontra l-Awtorità tax-Xandir u kontra Dr Joanna Spiteri (referenza 184/24AB). Il-kawża msemmija tissottolinea numru ta’ oġġezzjonijiet li kellhom l-istess soċjetà Beacon Media Group Ltd fuq l-irwol tal-Kap Eżekuttiv fi ħdan l-Awtorità tax-Xandir u għalhekk is-soċjetà temmen li l-eżitu tal-proċedura jaf ikollha effett fuq il-proċeduri odjerni. Għaldaqstant is-soċjetà Beacon Group Media Ltd qed titlob li dawn il-proċeduri jiġu sospiżi sakemm tiġi konkluża u ddeterminata il-kawża fil-Prim’ Awla tal-Qorti Ċivili.

Dr. Meli ttratta dwar dawn iż-żewġ punti u wara l-Bord stieden lill-partijiet sabiex jallontaw mill-kamra, inkluż is-segretarju tal-Bord. Għal dawn l-oġġezzjonijiet il-Bord iddeċieda hekk:

“Il-Bord ħa konjizzjoni tal-eċċezzjoni preliminari mressqa mis-socjetà Beacon Group Media Ltd. Il-Bord jagħmel referenza għad-deċiżjoni tiegħu li diġà ħa fuq l-istess punt sollevat bejn l-istess partijiet fi proċeduri differenti bejniethom 6 ta’ Ġunju 2024 u 31 ta’ Mejju 2024 u għar-raġunijiet ġa mfissra tiċħad it-talba.”

Il-Bord stieden lura lis-Segretarju u meta allontanat il-Kap Eżekuttiv iddeċieda dwar it-tieni oġġezzjoni kif ġej:

“L-Awtorità tikkunsidra t-tieni oġġezzjoni sollevata wara li ħadet konjizzjoni tal-proċeduri msemmija mill-istess soċjetà tirrileva li dik l-azzjoni hija azzjoni bbażata a tenur tal-Artiklu 469A fejn it-talbiet tagħha jirrelataw għal deċiżjoni speċifika li ħadet l-Awtorità, l-att amministrattiv u peress li ma tarax kif dik is-sentenza tista’ tinċidi fuq dawn il-proċeduri, tiċħad l-oġġezzjoni u tordna l-prosegwiment.”

Mar-ritorn tal-partijiet kollha u tal-Kap Eżekuttiv, il-Bord qara d-deċiżjonijiet tiegħu u kompla billi stieden lis-Sur Charles Sammut sabiex jagħti sfond tal-ilment imressaq. Is-Sur Charles Sammut qal li wara sfida sfaċċata li l-Partit Imperium Europa ma kienx se jkun mistieden, anke jekk ikun obbligat permezz ta’ Direttiva, baqa’ ma nbidel xejn u dan bi ksur lampanti tal-istess Direttiva tal-Awtorità. Qal li l-Awtorità anzi kellha tipproċedi ex ufficio.

Dr Maurice Meli staqsa lis-Sur Kevin Papagiorcopulo, li dak iż-żmien kien l-editur tal-istazzjon,  dwar x’għandu xi jgħid fuq l-ilment tas-Sur Charles Sammut.

Is-Sur Kevin Papagiorcopulo wieġeb li primarjament ma kien hemm ebda kandidati waqt dawn il-programmi u li din kienet deċiżjoni editorjali. Qal li kien hemm madwar 60 persuna mistiedna li kollha esprimew veduti tal-partiti kollha. Għalhekk skont hu dak li qed jgħid is-Sur Charles Sammut ma jreġix l-għaliex il-kandidati ma ġewx mistiedna u li l-istazzjon aċċerta li l-veduti kollha jiġu mistiedna. Mistoqsi minn Dr Maurice Meli kif kienu jintgħażlu n-nies, is-Sur Kevin Papagiorcopulo wieġeb li wara laqgħa mal-preżentatur u l-producer tal-programm kienu jagħżlu nies mistiedna kull ġimgħa b’firxa wiesgħa ta’ mistednin li jirrapreżentaw il-fehmiet politiċi kollha. Għamel ukoll referenza għal korrispondenza li kellu ma’ Dr Joanna Spiteri, il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tax-Xandir, bl-aħħar waħda fil-31 ta’ Mejju 2024, fejn fiha kien informaha li l-kandidati mhux se jkunu mistiedna. Qal ukoll li kienet tkun ukoll inkluża s-Sinjura Amanda Ciappara. Is-Sur Papagiorcopulo qal li kelhom telefonata ma’ Dr Joanna Spiteri dwar il-mistednin fil-programmi u rrefera għal numru ta’ imejls skambjati bejnu u l-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tax-Xandir, li kienu saru f’dan ir-rigward.

Is-Sinjura Amanda Ciappara kompliet li hi kienet ħafna drabi tibgħat ukoll il-lista permezz ta’ imejl u li r-risposta kienet tkun ‘noted’.  Is-Sinjura Ciappara qalet li saħansitra f’imejl tal-5 ta’ Ġunju 2024, kienet irċeviet risposta mingħand is-Sur Randolph Micallef li qal li prima facie ma hemmx problemi.

Dr Alessandro Lia, membru tal-Bord tal-Awtorità tax-Xandir, ikkummenta li peress li s-Sur Kevin Papagiorcopulo qal li l-istazzjon kien stieden mistiedna li esprimew il-veduti politiċi kollha, ħass li kellu jistaqsi min kienu l-mistiedna li esprimew il-veduta politika tal-lanjant.

Is-Sur Kevin Papagiorcopulo, għalkemm wieġeb li kien hemm mistiedna tal-istess fehma tal-partit lanjant, ma weġibx speċifikament għal dan u qal li jridu jsiru traskrizzjonijiet ta’ dak li ntqal. Kompla li hu jħoss li jrid isir jekk ma sarx diġà min-naħa tal-Awtorità.

Dr Maurice Meli ppreżenta lista tal-mistednin li tindika diversi nies li kien hemm waqt il-programmi mxandar fuq RTK103.

Dr Maurice Meli staqsa jekk Dr Joanna Spiteri tikkonfermax il-lista tal-mistednin. Dr Joanna Spiteri wieġbet li qed tifhem li dawn kienu l-istess listi li kienu jintbagħtu mill-istazzjon u dan dejjem skont kif kien mitlub mid-Direttiva. Dr Maurice Meli staqsa  wkoll jekk qattx kienet oġġezzjonat għal-lista. Dr Joanna Spiteri kkonfermat li kienet tirċievi listi ta’ programmi differenti u l-unika darba li esprimiet opinjoni kienet f’telefonata mal-editur u s-Sinjura Amanda Ciappara fejn imbagħad bagħtet imejl fid-29 ta’ Mejju 2024 li rreferiet għat-telefonata. Ikkonfermat li RTK103 ma kienx qed jistieden kandidati. Qalet li hi kienet ukoll kitbet li l-obbligu tal-bilanċ u mparzjalità xorta waħda japplika avolja ma jkunx hemmx kandidati. Spjegat li RTK103 wieġbu li se jkun hemm firxa wiesgħa ta’ opinjonijiet. Tenniet ukoll li ma setgħetx toħroġ akkuża qabel għaliex l-Awtorità dejjem kienet tistenna li jkun għad fadal l-aħħar programm fejn wieħed jikkonforma ruħu.

Dr Maurice Meli staqsa x’wassal lill-Kap Eżekuttiv sabiex toħroġ akkuża. Dr Joanna Spiteri wieġbet li fl-aħħar ġimgħa tal-kampanja kienet applikat proċedura riferita fil-L.S.350.07, wara li ġiet formalment rikjesta tagħmel dan mill-partit lanjant.

Dr Alessandro Lia staqsa jekk il-proċeduri li qed isemmi Dr Maurice Meli humiex dawk sub-judice quddiem l-Imħallef Bugeja. Dr Maurice Meli qal li hu jrid ikun jaf xi xpruna din id-deċiżjoni. Għal dan Dr Joanna Spiteri wieġbet li l-Awtorità, permezz tad-dipartiment tal-monitoraġġ,  issegwi programmi ta’ kull stazzjon u dak kollu li jkun qed jiġi mxandar. Fil-proċess l-Awtorità tirċievi wkoll lista ta’ mistednin li ġieli tinbidel minħabba ċ-ċirkustanzi tal-ġrajjiet kurrenti. Qalet li l-Awtorità ma tistenniex li bilanċ jintlaħaq fl-ewwel xandira u għalhekk jingħata ċans twil. Fil-każ tal-RTK103 kienet qed tistenna lista minn Sibt għal Sibt u spjegat li aderenza mad-Direttiva ma tistax tiġi stabbilita f’perjodu qasir. Qalet li l-monitoraġġ isegwi xorta waħda l-programmi u ma jistrieħx biss fuq il-lista ta’ parteċipanti li hija rikjesta mid-Direttiva imma jisma’ wkoll il-kontenut tal-programm per se.

Dr Maurice Meli reġa’ staqsa jekk mil-lista ta’ mistiedna li ġew provduti tistax tikkonferma jekk ħadd minnhom esprimiex ideat li jħaddnu Imperium Europa. Dr Joanna Spiteri wieġbet li mir-rapporti li għandha ma jirriżultax li kien hemm xi pożizzjoni politika uffiċjalment imnedija jew promossa mill-Partit Imperium Europa fuq RTK103. Għalhekk Dr Maurice Meli staqsa jekk l-Awtorità iddeterminatx jekk xi ħadd mis-60 mistieden kienx semma fehmiet tal-Imperium Europa u talab li jingħata r-rapporti tal-monitoring u jitla’ jixhed il-persuna li għamlet il-monitoraġġ. Insista li għandu d-dritt ikun jaf u vverbalizza li:

“In vista tax-xhieda tallum, Beacon Media Group Limited formalment titlob dan il-Bord sabiex jiġi prodott rappreżentant tal-imsemmi monitoring board/team bħala xhud sabiex jixhed fil-proċeduri odjerni.”

Għal dan il-Bord informa lill-istazzjon lanjat kif ġej:

“F’dan l-istadju l-Bord qiegħed jidderiġi lil Beacon Media Group Ltd sabiex qabel jiġi deċiż jinġiebx rappreżentant tal-monitoring team sabiex isirulu xi domandi, jiżvela l-istess Beacon Media Group  Ltd, min huma dawk il-mistiedna li skont huma esprimew l-istess opinjonijiet tal-lanjant f’dawn il-proċeduri biex b’hekk skont Beacon issodisfa l-firxa wiesgħa ta’ opinjonijiet politiċi”.

Iċ-Chairman fakkar li fl-intervent tas-Sur Papagriocopulo, l-istazzjon lanjat qal li jinsab ċert li minn dawn is-60 mistieden kien hemm opinjonijiet u fehmiet tal-Partit Imperium Europa inklużi.

Dr Maurice Meli qal li jixtieq jara kif il-Kap Eżekuttiv ħasset li dan l-ilment kien wieħed ta’ sustanza. Dwar il-punt imqajjem miċ-Chairman, qal li huwa pjuttost konvint li fehmiet minn kull partit politiku kienu mxandra matul is-serje ta’ xandiriet u ċioè matul il-perjodu tad-Direttiva.

Is-Sur Kevin Papagiorcopulo għamel intervent ieħor u qara parti mill-ittra tal-akkuża “diskussjonijiet m’esponenti ta’ Imperium Europa”. Semma dak li skont hu kien qal Dr Peter Fenech, membru tal-Bord tal-Awtorità tax-Xandir, waqt deċiżjoni preċedenti tat-2 ta’ Mejju 2024, fejn esprima li mhux esponenti partikolari li jippretendu li jattendu l-programmi jridu jiġu mistiedna, iżda għandhom jiġu mxandra l-fehmiet politiċi tal-partiti kollha.

Il-Bord aġġorna s-smigħ għal jum ieħor u ddiskuta r-rikjesti tal-istazzjon lanjat f’laqgħa virtwali fit-22 ta’ Lulju 2024. Il-Bord bagħat risposta lill-partijiet fl-istess jum. F’din ir-risposta l-Bord irrefera għad-deċiżjoni tal-25 ta’ Marzu 2024 (smigħ 3/24 ref.:07/24) fl-ismijiet PN vs PBS, kif ukoll għal akkuża kontra PBS ta’ nhar it-12 ta’ Diċembru 2023 (akkuża 15/2023 ref.:65/01). Permezz ta’ din ir-risposta l-Bord informa li d-dokumenti nterni huma meqjusa privileġġjati, li hu ma jippermettix il-preżentata tar-rapport tat-tim tal-monitoraġġ, kif ukoll li qed jistenna mill-istazzjon lanjat sabiex jindika speċifikament min mis-60 mistieden imsemmi fil-lista preżentati minnu kien esprima fehma li tirrapreżenta lill-Partit Imperium Europa. Il-Bord ta lill-istazzjon lanjat sas-26 ta’ Lulju 2024 sabiex jippreżenta dan u għarraf li s-smigħ ta’ nhar il-31 ta’ Lulju 2024 se jkun finali in aderanza ma’ Artikolu 8(2) ta’ Kap.350.

Fid-29 ta’ Lulju 2024, iċ-Chairman tal-Bord tal-Awtorità tax-Xandir irċieva ittra bil-posta datata 25 ta’ Lulju 2024, mibgħuta għan-nom u in rappreżentanza ta’ Beacon Media Group Ltd, fejn ġiet mitluba r-rikuża tal-membri kollha tal-Bord kif ukoll li tiġi permessa x-xhieda ta’ rappreżentant mis-sezzjoni tal-monitoraġġ.

Għaldaqstant il-Bord irrefera l-istess korrispondenza lill-konsulent legali tal-Awtorità tax-Xandir, Dr Mark Refalo, li wieġeb lill-avukat tal-istazzjon lanjat għal din il-komunikazzjoni nhar it-30 ta’ Lulju 2024. F’din ir-risposta spjega l-għaliex din it-talba ma setgħetx tiġi milqugħa. Il-Bord ikkunsidra l-parir mogħti lilu u konsegwentement ċaħad it-talba tal-istazzjon lanjat.

Għas-smigħ tal-31 ta’ Lulju 2024, dehru l-editur s-Sur Matthew Xuereb, is-Sur Kevin Papagiorcopulo attenda wkoll fiżikament u s-Sur Charles Sammut għall-Imperium Europa attenda virtwalment.

Iċ-Chairman spjega li wara l-laqgħa sar skambju ta’ ittri bejn l-avukati tal-istazzjon lanjat u l-konsulent legali tal-Awtorità. Qal ukoll li l-istazzjon ġie avżat li dan is-smigħ kien se jkun wieħed finali.

Dr Maurice Meli kkonferma li l-istazzjon lanjat lest jikkonkludi dakinhar u li ma hemmx provi addizzjonali x’jitressqu.          

Dr Peter Fenech staqsa dwar id-dokument preżentat li dwaru kien intqal li uħud mis-60 mistieden kellhom fehma fuq Imperium Europa. Stieden lill-istazzjon jikkonferma liema minnhom kienu għamlu dan. Tenna li l-liġi titkellem fuq “firxa wiesgħa”.

Dr Maurice Meli kkonferma li ma hemm xejn xi jżid ma’ dak li kien ġa ressaq u jew spjega u li se jispjega kollox matul is-sottomissjonijiet. Għalhekk il-Bord stieden lis-Sur Charles Sammut iressaq iżjed provi iżda l-lanjant wieġeb li se jistrieħ fuq dak diġà sottomess.

Dr Maurice Meli beda billi għamel referenza għall-ittra mibgħuta lis-Sur Papagiorcopulo fil-5 ta’ Ġunju 2024, bl-akkuża. Fiha ingħad li kienet inkisret id-Direttiva. Kompla billi qara minn paragrafu 3(5) tad-Direttiva (paġna 4). Dr Maurice Meli qal li l-allegazzjoni kienu marbuta mal-programm tal-Prof. Andrew Azzopardi li matulu kien intqal li ma ġietx mistiedna kull opinjoni politika. Kompla li huwa fid-dover ta’ min qed joħroġ l-akkuża li jipprova l-ksur.

Dwar ix-xhieda Dr Maurice Meli rrefera għall-Kap Eżekuttiv u għamel referenza għas-sezzjoni tal-monitoraġġ. Qal li hu dispjaċut li l-Bord ma laqax ir-rikjesta li jinġieb membru mill-istess sezzjoni u dan l-għaliex il-parti lanjata xtaqet tisustanzja dak li ġiet notifikata bih mill-Kap Eżekuttiv. Qal li ma jemminx li detto del detto għandu jservi ta’ prova sabiex tinstab ħtija kontra Beacon Media Group Ltd.

Dr Maurice Meli qal li l-istazzjon dejjem kien imparzjali u dejjem ta spazju għal opinjonijiet wiesgħa u li fl-ebda punt Beacon Media Group Ltd ma ntenzjonat li tikser id-Direttiva. Kompla b’referenza għal 3(2) tad-Direttiva u filwaqt li aċċenna li l-istazzjon kien rett fuq l-osservazzjoni tal-obbligi. Irrefera wkoll għal imejl tal-Kap Eżekuttiv tal-31 ta’ Mejju 2024 u rrimarka li jekk il-Bord isib ħtija f’Beacon Media Group Ltd, jfisser ukoll li mhux biss qed jiġi ċensurat l-istazzjon iżda saħansitra l-Kap Eżekuttiv tal-istess Awtorità tax-Xandir li kkonfermat l-istess lista ta’ mistednin bla qatt ma nġibdet l-attenzjoni dwar xi forma ta’ ksur. Saħaq li l-Bord għandu jirrikunsidra l-investigazzjoni tal-kummenti tas-60 mistieden imsemmija fil-lista preżentata u rrefera għall-kumment ta’ Dr Peter Fenech dwar il-“firxa wiesgħa” billi spjega li Beacon Media Group Ltd segwa dak li hemm fid-direttiva u li allura li kien hemm veduti u opinjonijiet differenti li jissodisfaw ir-rekwiżit ta’ firxa wiesgħa. Qal li huwa fiżikament impossibbli li ġġib l-opinjonijiet kollha l-għaliex jeżistu opinjonijiet daqs kemm jeżisti ramel, iżda peress li l-opinjonijiet miġjuba mill-istazzjon kienu wiesgħa, ma jistax wieħed jargumenta li l-istazzjon ma segwiex l-obbligi tiegħu.

Fl-intervent finali tiegħu s-Sur Charles Sammut qal li jista’ jkun minnu li ġiet preżentata lista ta’ 60 parteċipant iżda dan ma jfisser xejn. Qal li l-Profs. Andrew Azzopardi kien diġà sfida li mhux se jistieden lill-Partit Imperium Europa. Qal ukoll li l-Bord qisu qed ikun Qorti Kriminali fejn il-provi jiġu pruvati beyond reasonable doubt. Ikkonkluda li dan ma għandux ikun il-każ.

Fis-sottomissjonijiet finali tagħha l-Kap Eżekuttiv irreferiet għall-komunikazzjoni msemmija mis-Sur Kevin Papagiorcopulo fis-smigħ preċedenti u li kienet tagħmel referenza għal imejl tal-5 ta’ Lulju 2024 tal-Awtorità tax-Xandir. Iċċarat li din kienet qed tirreferi għal żewġ attachments marbuta mal-jum tas-silenzju u mhux mat-tema riferita mis-Sur Kevin Papagiorcopulo.

 

Ikkunsidra

Meta l-partijiet kif ukoll il-Kap Eżekuttiv ħallew is-seduta l-Bord għadda sabiex jiddeċiedi dan l-ilment assistit bl-akkuża wara li għamel referenza għall-provi u sottomissjonijiet imressqa.

Il-Bord iddiskuta jekk “firxa wiesgħa” għandhiex tirreferi għal kull opinjoni politika u dan dejjem b’referenza għal sezzjoni 3(5) tad-Direttiva:

“Huwa l-obbligu ta’ kull stazzjon li programmi li għandhom x’jaqsmu ma’ xi materja ta’ kontroversja politika jew industrijali jew li jirreferu għall-policy pubblika kurrenti jridu jiġu ppreżentati b’imparzjalità. Fi programmi ta’ diskussjoni li se jkunu jitrattaw temi li b’xi mod huma marbuta mal-Kunsilli Lokali, irid ikun hemm rappreżentazzjoni wiesgħa ta’ opinjonijiet differenti fuq is-suġġett trattat. L-istess prinċipju jgħodd għal programmi li jitrattaw l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew”.

Il-Bord iqis li minn 60 mistieden kellu jkun hemm numru ta’ veduti li jinkludi l-partiti politiċi kollha, li f’din l-elezzjoni kienu jammontaw għal biss 6. Dan jgħodd ukoll minkejja li l-mistiedna ma kinux kandidati iżda ma jirriżultax li l-fehmiet jew opinjonijiet tal-partit lanjant ġew preżentati fl-istess programm, anke jekk kien hemm mill-inqas 60 mistieden.

 

Għalhekk iqis li l-istazzjon lanjat naqas milli jressaq dawk il-provi neċessarji sabiex jipprova li l-ilment imressaq ma kienx wieħed fundat.

 

Għall-kuntrarju, jirriżulta li l-istazzjon lanjat meta ġie mistieden jindika min minn dawk il-mistiedna kollha wassal il-fehma politika tal-partit lanjat, fehma waħda minn sitt partiti biss; ma kienx f’pożizzjoni li jikkonferma u nsista li l-Bord stess kellu jordna lill-Awtorità tikkonferma hi stess.

Dan ma kellux għalxiex isir dwar kull aspett tal-politika, għaliex altrimenti l-oneru fuq l-istazzjon ikun qawwi. Iżda l-Bord huwa konvint li l-kliem “rappreżentazzjoni wiesgħa ta’ opinjonijiet differenti fuq is-suġġett trattat” ma setgħet qatt twassal għall-esklużjoni ta’ partit wieħed minn sitta, partikolarment meta l-mistiedna kienu aktar minn sittin. L-istazzjon lanjat seta’ faċilment jistieden persuna li tirrappreżenta jew twassal l-opinjoni tal-Partit Imperium Europa fuq suġġett wieħed, mill-għexieren li gew trattati matul il-programm in kwistjoni.

 

Għal dawn ir-raġunijiet il-Bord qed jilqa’ l-ilment assistit bl-akkuża u konsegwentement jikkundanna lill-istazzjon iħallas is-somma ta’ €4,660, kif stipulat fi Skeda 5 ta’ Kap. 350, liema somma għandha titħallas fi żmien sittin (60) jum mid-data ta’ din id-deċiżjoni.

 

Il-Bord qiegħed ukoll jordna lill-istazzjon sabiex fi żmien tlett (3) ijiem mid-data ta’ din id-deċiżjoni jaqra wkoll dan is-sunt waqt il-bulettin tal-aħbarijiet ta’ RTK103.

“Il-Bord tal-Awtorità tax-Xandir immultat lill-istazzjon RTK103 multa ta’ Euro 4,660 skont Skeda 5 tal-Att dwar ix-Xandir, wara li kkonferma ksur mill-istazzjon tad-Direttiva maħruġa għal matul il-kampanja elettorali. Dan peress li matul il-programmi tal-preżentatur Profs. Andrew Azzopardi, fl-aħħar kampanja elettorali tal-Parlament Ewropew ġie milqugħ ilment tal-Imperium Europa li kien assistit b’akkuża wara li l-fehma tal-partit ilmenta li ma kienx inkluż fid-diskussjonijiet ta’ dan il-programm. Għal din ir-raġuni l-Awtorità assistiet l-ilment bl-akkuża.

Wara li sema’ s-sottomissjonijiet u ħa konjizzjoni tal-provi mressqa, l-Bord sab ksur ta’ sezzjoni 3(5) tad-Direttiva l-għaliex qies li fiċ-ċirkostanzi kellhom jiġu rappreżentati l-veduti politiċi tal-partit lanjant”.

21 ta’ Awwissu 2024

Smigħ 9_24/10_24/11_24

Ref.:167/01