Smash Radio - Xtravagance - 15 ta' Frar 2010




L-Awtorità kellha quddiemha akkuża li fil-programm Xtravagance fuq Smash Radio kien hemm ksur tal-paragrafi 4 u 9 tat-Tielet Skeda ta’ l-Att dwar ix-Xandir meta waqt dan il-programm kien hemm nuqqas ta’ separazzjoni bejn il-kontenut u l-element reklamatorju u kif ukoll paragrafu 2.1 tal-Ħtiġijiet dwar Standards u Prattika dwar il-Prezz tat-Telefonati u SMS’s fil-Mezzi tax-Xandir meta il-preżentatur naqas milli jagħti l-prezz tal-SMS tul il-programm kollu.

L-Awtorità semgħet kemm lill-Kap Eżekuttiv, u lill-istazzjon li kien rappreżentat mis-Sur Joe Baldacchino li kkontenda illi n-nuqqas ta’ separazzjoni bejn il-kontenut tal-programm u r-reklamar kien irriżulta minħabba li għal xi raġuni il-ġingle li normalment tintuża sabiex tinħoloq din is-separazzjoni fil-fatt ma ntużatx.  Dwar il-prezz tal-sms, is-Sur Baldacchino talab lill-Awtorità tagħti direzzjoni dwar kif dan l-obbligu legali għandu jiġi applikat fuq is-servizzi radjufoniċi.

L-Awtorità ddiskutiet il-każ u filwaqt li qablet mal-proposta tas-Sur Baldacchino dwar il-prezz tal-SMS tant li ddiriġiet li din tiġi indirizzata, iddeċidiet illi l-akkuża kienet ġiet ippruvata, u l-istazzjon kellu jeħel il-penali rispettiva peress li dan il-ksur irriżulta f’aktar minn okkazzjoni waħda, madanakollu peress li din kienet l-ewwel darba iddeċidiet li tissospendi id-deċiżjoni tagħha għal sitt xhur, u ddiriġiet li matul dan il-perjodu jsir monitoraġġ tat-trasmissjoni tal-istazzjon sabiex jiġi aċċertat li dan kien qed jikkonforma mal-provvedimenti tal-liġi.