SMASH - Ritmo - 2 u 7 ta' Lulju 2026





Deċiżjoni għal akkuża fil-konfront ta’ Smash Communications Ltd rigward il-programm Ritmo li xxandar fit-2 u fis-7 ta’ Lulju 2026

 

Il-Bord tal-Awtorità tax-Xandir kellu quddiemu akkuża maħruġa mill-Awtorità kontra l-istazzjon Smash Communications Ltd nhar it-28 ta’ Lulju 2026.  

Il-Bord organizza smigħ għal nhar is-27 t’Awwissu 2026 li għalih attendiet il-preżentatriċi u DJ is-Sinjura Sue Mifsud.  L-Awtorità kienet rappreżentata mill-Kap Eżekuttiv, Dr Joanna Spiteri.

Il-Kap Eżekuttiv irreferiet għall-programm Ritmo u qalet li ma kienx hemm distinzjoni bejn il-kontenut ta’ mużika bħala parti mill-programm u l-promozzjoni għall-parties ta’ DJ Sue li hija wkoll il-preżentatriċi tal-programm. Qalet li l-preżentatriċi referit għall-boat party li kienet ser ittella’ u għal diversi drabi għamlet referenza u promozzjoni għal dan l-avveniment bħala parti mill-kontenut tal-programm. Qalet li meta jsir hekk ikun hemm ksur ta’ Artiklu 4 ta’ Kap. 350 l-għaliex ma jkunx hemm distinzjoni bejn kontenut u reklamar.

Is-Sinjura Sue Mifsud wieġbet li kienet overwhelmed peress li dan il-boat party kien qed joqrob u kienet qed tara li mhux qed jinbiegħu daqshekk biljetti u għalhekk bdiet tagħmel promozzjoni għal dan l-avveniment. Qalet li huwa minnu li imkien ma semmiet messaġġ promozzjonali u li aljenat rasha. Qalet li tkellmet mas-sid tal-istazzjon is-Sur Joe Baldacchino u li se tagħmel l-almu tagħha għal iżjed attenzjoni fi trasmissjonijiet oħra.

Il-Kap Eżekuttiv irrimarkat li l-avveniment reklamat kien avveniment organizzat mill-istess preżentatriċi. Qalet ukoll li l-airtime tixtrih mingħand l-istazzjon u peress li l-party hu tagħha iżjed se tattirahom jekk ir-reklam tagħmlu hi milli ħaddieħor.

Meta l-partijiet ħallew is-smigħ, il-Bord għadda sabiex jiddiskuti s-sottomissjonijiet.

Il-Bord ħa konjizzjoni tal-ammissjoni tas-Sinjura Sue Mifsud iżda nnota wkoll li dan it-tip ta’ ksur huwa wieħed lampanti fuq bosta stazzjonijiet li m’humiex jikkunsidraw l-obbligi tagħhom ta’ distinzjoni ta’ materjal promozzjonali.

In vista ta’ dan il-Bord qed jilqa’ l-akkuża, jsib lill-istazzjon ħati ta’ ksur ta’Artikolu 4 ta’ Kap. 350 tal-Liġijiet ta’ Malta u timmultah is-somma ta’ Euro1,160 li qed jissospendiha għall-perjodu ta’ sena mid-data tad-deċiżjoni. Qiegħed ukoll iħeġġeġ lill-Awtorità tniedi kampanja nformattiva intiża għall-istazzjonijiet dwar it-tema ta’ promozzjonijiet. Qed jordna wkoll il-qari ta’ sommarju ta’ din id-deċiżjoni fil-ħin ta’ meta jixxandar il-programm Ritmo fl-ewwel xandira li jmiss.

 

Smigħ 7_26 Ilment 4

Ref: 156/01

14 ta’ Settembru 2026