Smash TV - Forum - 24 ta’ Marzu, 2015




L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ Smash TV dwar il-programm Forum li xxandar fl-24 ta’ Marzu, 2015.  Waqt dan il-programm, il-preżentatur intervista lis-Sindku taż-Żurrieq, is-Sur Ignatius Farrugia, u s-suġġett li ttrattaw kien l-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali u x’qed jistennew in-nies mis-sindku jew il-kunsilliera. Waqt it-tweġibiet tiegħu s-Sur Farrugia semma’ proġetti li saru mill-kunsill taż-Żurrieq, fosthom il-ftuħ tad-dar Mattia Preti u l-importanza ta’ kuntatt tajjeb mar-residenti taż-Żurrieq, liema lokalità ilu jmexxi 13-il sena. Intant, il-preżentatur staqsa wkoll xi pjanijiet għandu s-Sur Farrugia jekk jerġa’ jiġi elett Sindku tal-lokalità.  Skont l-akkuża tali xandira kienet tmur kontra d-Direttiva maħruġa mill-Awtorità tax-Xandir għall-perjodu 9 ta’ Marzu sal-11 ta’ April li fiha hemm elenkat li kwalunkwe programm dwar il-kunsilli lokali għandu jkun bilanċjat. F’dan il-każ kien jinħass li l-intervista kienet saret biex tippromwovi x-xogħol tas-Sindku attwali bi ksur ta’ Artiklu 15 tal-Att dwar ix-Xandir.

L-Awtorità semgħet kemm lill-Kap Eżekuttiv kif ukoll lill-Membru Parlamentari s-Sur Silvio Parnis f’seduta li nżammet fis-7 t’April, 2015, u wara li fl-aħħar ħin din ġiet infurmata li r-rappreżentant tal-istazzjon ma setgħax ikun preżenti għal dan is-smigħ.

Minn naħa tiegħu s-Sur Parnis filwaqt li ammetta l-akkuża qal li dan kien programm li permezz tiegħu kien isir il-ġid u li s-Sur Farrugia kien mistieden regolari fil-programm.   Saħaq li dan in-nuqqas ma kienx intenzjonat u huwa bħala preżentatur, ma kienx konxju bid-direttiva li kienet ħarġet l-Awtorita` u li hekk kif ġie mgħarraf bil-ksur tad-Direttiva huwa immedjatament waqqaf ir-ripetizzjoni tal-istess programm  u anke programmi oħra li kienu skedati.

L-Awtorità wara li ħadet konjizzjoni tas-sottomissjonijiet tal-partijiet inkluż l-ammissjoni tal-produttur f’isem l-istazzjon ddeċidiet li l-akkuża kienet ġiet ippruvata madanakollu peress li l-istazzjoni kien aġixxa b’mod immedjat u ħa miżuri korrettivi u kawtelatorji iddeċidiet li ma timponix il-penali relattiva u f’dan il-każ twiddeb lill-istazzjon sabiex ma jirrepetix tali nuqqas.

28 t’April, 2015