Deċiżjoni dwar l-akkuża fil-konfront ta’ Smash Communications Ltd rigward il-
programm Il-Parlament tal-Poplu li xxandar fis-6 ta’ Diċembru 2021 fuq Smash TV
L-Awtorità kellha quddiemha l-akkuża li tressqet ex uffiċċio mill-branka amministrattiva tal-Awtorità tax-Xandir fejn il-Kumpanija Smash Communications Ltd bħala detentur tal-liċenzja ta’ Smash Television, ġiet akkużata li fil-programm Il-Parlament tal-Poplu li xxandar fis-6 ta’ Diċembru 2021 bejn it-20:27 u d-20:58 il-preżentatur Dr Emy Bezzina waqt l-argumenti tiegħu dwar il-liġi li tirregola l-użu rikreattiv tal-kannabis, irrefera għal dak li qal l-Onor Dr Godfrey Farrugia. F’dan il-ħin għadda kumment fil-konfront ta’ Dr Marlene Farrugia u qal hekk “...u naħseb kien jitkellem aħjar, tiħux fastidju Marlene, kieku ma bqajtx il-ħin kollu tiddettalu x’għandu jgħid. Allaħares kont viċin tiegħi u qed nagħmel dibattitu fil-Parlament jien għax ir-reazzjoni tiegħi kien; daqqa ta’ ponn fuq rasek biex tagħlaq ħalqek”. Għaldaqstant inħarġet l-akkuża fil-konfront ta’ Smash TV bi ksur ta’ Artiklu 13 (2) (a) tal-Att dwar ix-Xandir.
Fis-smigħ li nżamm b’ mod virtwali fl-20 ta’ Jannar 2022 għall-Kumpanija Smash Communications Ltd deher l-Avukat Dr Emy Bezzina filwaqt li għall-Awtorità dehret il-Kap Eżekuttiv Dr Joanna Spiteri.
In limine litis l-Avukat Bezzina kkjarifika li hu kien qed jidher għan-nom tal-Kumpanija u mhux fil-vesti tiegħu personali bħala preżentatur.
Inqrat l-akkuża u Dr Emy Bezzina informa l-Bord li kien qed jikkontesta l-akkuzi. Huwa talab li jressaq eċċezzjoni preliminari. Il-Bord talbu jivverbalizza l-eċċezzjoni preliminari.
Dr Emy Bezzina għal Smash Communications Ltd jirrileva l-irritwalita tal-proċeduri bbazat fuq il-prinċipju nemo iudex in casa proprio u in-sostenn ta’ din l-eċċezzjoni huwa ddikjara li dan il-punt kien diġà tqajjem mill-kumpanija stess fi proċeduri preċedenti quddiem l-Awtorità tax-Xandir, fl-ismijiet ta’ Smash Communications Ltd vs L-Awtorità tax-Xandir, liema proċeduri wara li kienu deċizi mill-istess Awtorità, kienu kkontestati l-Qorti mill-kumpanija Smash Communications Ltd, proċeduri fl-ismijiet Smash Communications Ltd vs l-Awtorità tax-Xandir, liema proċeduri kienu deċizi fis-7 ta’ Frar 2012 sussegwentament appellati u deċizi finalment fl-24 ta’ Ġunju 2016. Dr Bezzina saħaq l-Appell kienet tat raġun lill-Kumpanija Smash Communications Ltd.
Il-Board talab lil Dr Emy Bezzina jressaq ukoll l-eċċezzjonijiet li kellu fil-mertu. Fil-mertu l-Kumpanija sostniet li l-akkuża kienet infondata fil-fatt u fid-dritt elabora u spjega li l-programm Il-Parlament tal-Poplu huwa programm li jixxandar għall-pubbliku matur, programm li jixxandar tlett darbiet fil-ġimgħa senjatament nhar il-Ġimgħa fl-10.30 ta’ fil-għaxija, nhar ta’ Tnejn u nhar ta’ Erbgħa fid-9 ta’ fil-għaxija. Spjega li dan huwa programm li jikkummenta b’mod ironiku fuq ġrajjiet kurrenti f’ Malta u Għawdex, il-programm ma fih l-ebda animus injurjandi u ma tistax tislet kumment wieħed iżda wieħed kellu jara l-assjem kollu.
Fuq il-kumment per se, Dr Emy Bezzina bħala l-preżentatur tal-programm u li qal il-kliem li għalih inġab quddiem l-Awtorità jirrispondi; elabora u spjega li s-suġġett mertu tal-proċeduri odjerni kienet il-Liġi tal-Kannabis rekreattiva li l-Palament ta’ Malta kien għadu kemm approva din il-liġi kontroversjali u ta’ interess pubbliku. Huwa osserva li kien qed jgħaddi kummenti dwar l-osservazzjonijiet imressqa mill-Onorevoli Godfrey Farrugia li kien qed jikkumenta dwar din il-Liġi u fir-retroxena kienet qegħda tinstema’ l-Onorevoli Marlene Farrugia tixxprunah f’dak li kellu jgħid. Il-kumment tiegħu, il-kliem “daqqa ta’ ponn fuq rasek biex tagħlaq ħalqek”, ma kinux osservazzjonijiet dwar il-kontenut ta’ dak li kien qiegħed jgħid l-Onorevoli Farrugia izda għall-fatt li filwaqt li hu kien kompetenti fil-materja ma kellux bzonn l-indħil tal-Onorevoli Marlene Farrugia, li tiġi martu, u li kieku ġara lilu b’mod ironiku ddikjara li kien jdur fuqha u jagħtiha daqqa ta’ ponn fuq rasha.
Josserva li l-kumment ma kienx intqal f’vena vendikattiva jew li tweġġa’, ried juri d-diżapprovazzjoni tal-indħil fuq dak li kien qed jgħid l-Onorevoli Farrugia li kien qed jitkellem bis-sens. Ma kienx kumment ta’ mibgħeda u lanqas kumment intiż li jweġġa’.
Min-naħa l-oħra, il-Kap Eżekuttiv Dr Joanna Spiteri għall-Awtorità ġibdet l-attenzjoni li l-kumment kien ħareġ qabel id-9.30 ta’ fil-għaxija, l-ħin magħruf bħala l-watershed time, fil-fatt il-kumment deher fit-8.35 ta’ fil-għaxija. Osservat ukoll li l-kumment kien barra minn loku, mhux aċċettabli peress li seta’ ta l-impressjoni li d-daqqiet ta’ ponn fuq in-nisa kienu permissibli fis-soċjetà Maltija.
Wara l-għeluq tal-osservazzjonijiet u s-sottomissjonijiet il-Board għadda sabiex jiddelibera dwar l-akkuza.
Dwar l-eċċezzjoni preliminari l-Board fl-ewwel lok kkunsidra t-talba sabiex f’ dawn il-proċeduri tingħata deċizjoni preliminari fuq l-eċċezzjoni ta’ irritwalita tal-proċeduri. Il-Bord ra dak li kien sar fil-passat, il-Board ra ukoll il-prassi ġenerali tal-Qrati Civili li sostnew kemm-il darba li l-ispezzettar tal-proċeduri ċivili mhix fl-aħjar interess tal-proċess ġudizzjarju u għandha tiġi eżerċitata meta hemm raġunijiet serji u impellanti li l-eċċezzjonijiet ma jiġux deċiżi lkoll flimkien. U għalhekk għadda sabiex jikkunsidra l-eċċezzjoni preliminari li tqajmet, din tan-nemo iudex in causa proprio.
Il-Board ħa konjizzjoni tas-sentenza li għaliha għamel riferenza l-abbli difensur tal-kumpanija Dr Emy Bezzina u nnota li filwaqt li kien korrett l-abbli difensur meta ċċita l-konkluzjoni tal-Qorti tal-Prim Awla, din l-istess konkluzjoni raġġiunta mill-Prim Awla ma kinitx konfermata fl-appell. Fil-Qorti tal-Appell, fuq dan il-punt il-Qorti kellha dan xi tgħid :-
Għalhekk għal raġunijiet mogħtija fuq, is-sentenza tal-ewwel Qorti effettivament hija “disapplikazzjoni” tal-liġi, ħaġa li l-qorti fil-kompetenza “ordinarja” tagħha ma setgħetx tagħmilha. Dan l-aggravju tal-konvenuti għalhekk għandu jintlaqa’ u ma jibqax meħtieġ li nqisu l-aggravji l-oħra.
Għal dawn ir-raġunijiet il-qorti tiddisponi mill-appell billi tirriforma s-setenza appellata: tikkonfermaha fejn laqgħet it-talbiet tas-soċjetà attriċi għal dikjarazzjoni illi l-Kap Eżekuttiv huwa uffiċjali tal-Awtorità tax-Xandir u għalhekk parti minnha, tħassarha fejn laqgħet it-talbiet l-oħra u għalhekk tiċħad dawk it-talbiet tas-soċjetà attriċi.
Invista ta’ din il-konklużjoni l-eċċezzjoni qed tiġi respinta.
Il-Board għadda sabiex ikkunsidra l-eċċezzjoni imressqa fil-mertu mill-Kumpanija Smash Communications Ltd, ra l-osservazzjonijiet imressqa kemm għan-nom tal-Kumpanija kif ukoll għan-nom tal-preżentatur, sema l-osservazzjonijiet imressqa għan-nom tal-Awtorità u ddeċieda.
Dan il-każ jitratta l-kumment li għadda l-preżentatur Dr Emy Bezzina fil-programm Il-Parlament tal-Poplu b’ reazzjoni għall-kummenti li instemgħet l-Onorevoli Marlene Farrugia tgħid lill-Onorevoli Godfrey Farrugia fil-Parlament meta kien qed jitkellem dwar il-Liġi tal-Kannabis rekreattiva.
Il-Board ra l-partijiet rilevanti tal-programm, ħa nota ukoll tal-ħin meta ixxandar dan il-kumment, it-8.35 ta’ filgħaxija, iddeċieda ;
Filwaqt li ma hemm l-ebda dubju li l-programm huwa wieħed ta’ ġrajjiet kurrenti, l-Awtorità tħoss li l-kumment kien wieħed ironiku u sar bi spirtu ta’ kritika u bl-ebda animu ħazin. Minkejja dan, il-kumment jista’ ma jinftihemx mit-telespettaturi tal-programm fl-istess mod mit-telespettaturi kollha u għalhekk tispetta lill-preżentaur joqgħod aktar attent f’ dak li jgħid u kif jgħidu. Iżda l-Awtorità tħoss li l-preżentatur ma kienx qed jinkoraġixxi għall-kriminalità jew iwassal għal diżordni.
Il-Board għalhekk filwaqt li jikkonkludi li l-kumment, minkejja li ma kienx inġurjuz u sar mingħajr intenzjoni ħazina jista’ jinftiehem ħazin u ma kellux jingħad, jiġbed l-attenzjoni tal-Kumpanija kif ukoll tal-preżentatur li għażel li jipparteċipa f’ismu personalment ukoll f’ dawn il-proċeduri, sabiex joqgħod aktar attent fil-futur. Għaldaqstant l-Awtorità ma ssibx lil Smash TV ħati ta’ ksur ta’ Artiklu 13 (2) (a) tal-Att dwar ix-Xandir iżda tisħaq li l-preżentatur irid ikun iktar kawt fil-kummenti tiegħu li jistgħu jiġu interpretati ħażin mit-telespetatturi.
2 ta’ Frar 2022