L-Awtorità kellha quddiemha akkuża li fil-programmi L-MEP u Int tad-29 ta’ Jannar, is-26 ta’ Frar u d-9 t’April, 2010 kien hemm ksur ta’ Artiklu 13(2)(f) tal-Att dwar ix-Xandir, peress li f’xi ħinijiet tal-programmi rispettivi l-uniku mistieden, u ċjoe il-Professur Edward Scicluna irrefera għal suġġetti meqjusin ta’ kontroversja politika jew industrijali jew li kellhom x’jaqsmu ma policy pubblika kurrenti mingħajr ma dawn kienu bilanċjati b’opinjonijiet diversi u dan bi ksur ta’ l-obbligi ta’ imparzjalità ai termini ta’ l-imsemmi provvedimenti.
L-Awtorità semgħet lill-Kap Eżekuttiv, lis-Sur Joe Baldachino bħala rappreżentant tal-istazzjon, il-Membru Parlamentari Ewropew il-Professur Edward Scicluna u s-Sur Frans Ghirxi għall-produzzjoni.
L-Awtorità rat l-akkuża u ddiskutiet is-sottomissjonijiet tal-istazzjon u l-produtturi u ddeċidiet li għalkemm ħafna mill-kontenut trattat kien informattiv, fil-programmi in eżami ġew diskussi temi li kienu meqjusin ta’ kontroversja politika u ta’ policy pubblika kurrenti bħal fil-każ tal-proġett għall-estensjoni tal-Freeport (29/1/2010), u t-tariffi tad-dawl u l-ilma (26/2/2010) liema temi l-Awtorita’ qablet li kienu jitolbu l-espożizzjoni ta’ veduti aktar wiesgħa ai termini ta’ Artiklu 13(2)(f).
Inoltre, l-Awtorità nnutat illi fil-passat kienet diġà ippenalizzat u widdbet lill-istazzjon li programmi ta’ dan it-tip riedu jkunu bilanċjati, jew fihom infushom jew fuq medda ta’ programmi.
Fid-dawl ta’ dawn il-konsiderazzjonijiet l-Awtorità qablet li l-akkuża kienet ġiet ippruvata u ddeċidiet li timponi il-penali relattiva ta’ elf mija u erbgħa u sittin Ewro (€1,164), liema penali kellha titħallas fi żmien xahar mid-data tan-notifika.