Smash TV - Teleshopping - 7 ta' Mejju 2010




L-Awtorità kellha quddiemha akkuża li fil-programm ta’ Teleshopping tas-7 ta’ Mejju, 2010 kien hemm ksur ta’ Artiklu 13(2)(a) tal-Att dwar ix-Xandir, peress li waqt l-imsemmi programm instema’ diskors oxxen u blasfem fl-isfond waqt li kien qed isir il-bejgħ tal-prodotti.

L-Awtorità semgħet lill-Kap Eżekuttiv u lis-Sur Joe Baldachino bħala rappreżentant tal-istazzjon li minn naħa tiegħu filwaqt li ma kkontestax il-kontenut fir-rapport tal-monitoring, ikkontenda li dan l-episodju iżolat avverra ruħu wara li burdnar li ma kienx impjegat tal-istazzjon u li kien qiegħed jagħmel xogħol konness mal-programm fl-istudjo kien involut f’inċident fl-istess post.

Wara li l-Awtorità ħadet konjizzjoni tas-sottomissjonijiet tal-partijiet u rat il-filmat relattiv, qablet illi l-argumenti tas-Sur Baldacchino ma kienux validi u l-akkuża kienet ġiet ippruvata u ddeċidiet li timponi il-penali relattiva ta’ elf mija u erbgħa u sittin Ewro (€1,164), liema penali kellha titħallas fi żmien xahar mid-data tan-notifika.