Smash TV - VSN Teleshopping - 20 ta' Settembru 2010




L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ Smash TV dwar il-programm V.S.N Teleshopping li xxandar fl-20 ta’ Settembru, 2010 fejn kien hemm ksur ta’ paragrafu 5.1 tal-Ħtiġijiet dwar ir-Reklami, Metodi ta’ Reklamar u Direttivi dwar Reklamar dwar Logħob tal-Azzard fuq is-Servizzi tax-Xandir, meta waqt rokna ta’ telebejgħ il-preżentatur offra bħala rigal biljetti tal-lotterija Super 5 u dan waqt ħin ipprojbit mill-provvediment relattiv.

L-Awtorità ħadet konjizzjoni tas-sottomissjonijiet tal-partijiet u filwaqt li rat il-filmat relattiv, iddeċidiet li r-referenza għall-imsemmija lotterija waqt ir-rokna ta’ telebejgħ kien jikkostitwixxi reklamar aktar u aktar meta wieħed iqies illi fil-ġimgħa partikolari meta xxandret dik ir-rokna l-premju tal-lotterija kien wieħed konsiderevoli, madanakollu peress li din kienet l-ewwel darba li l-istazzjon instab ħati ta’ tali nuqqas iddeċidiet li twiddeb lill-istazzjon sabiex dan ma jirrepetix dan il-ksur.