TVM - TVM News - 27 ta' Frar 2014




Ilment mill-Partit Nazzjonalista

L-Awtorità kellha quddiemha ilment mill-Partit Nazzjonalista datat 3 ta’ Marzu, 2014 rigward l-aħbarijiet ta’ TVM li xxandru fis-27 ta’ Frar, 2014 dwar servizz dwar dak li ntqal mill-Ministru għall-Intern u Sigurtà Nazzjonali Dr Manuel Mallia waqt il-programm Dissett tas-27 ta’ Frar 2014.

L-Awtorità, f’seduta li saret fil-11 ta’ Marzu 2014, semgħet lil Dr Karol Aquilina f’isem u in rappreżentanza tal-Partit Nazzjonalista fil-preżenza tas-Sur David Herrera Direttur tal-Informazzjoni tal-Partit Nazzjonalista u lis-Sur Reno Bugeja Editur u Kap tat-Taqsima tal-Aħbarijiet ta’ PBS Ltd. li kien assistit minn Dr Mark Vassallo f’isem u in rappreżentaza ta’ PBS Ltd.

Il-Partit Nazzjonalista ikkontenda li fis-servizz tal-Aħbarijiet in kwistjoni ġiet irrappurtata r-rejazzjoni tal-Ministru Mallia għall-kummenti li kien għamel fid-diskussjonijiet bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni dwar il-bejgħ taċ-cittadinanza fejn kien stqarr li jekk tiddaħħal imqar ġurnata waħda ta’ residenza fil-liġi dwar din l-iskema jirriżenja mill-Parlament.  Żied li fil-fatt din id-dikjarazzjoni kienet ġiet oriġinarjament żvelata mill-Onorevoli Jason Azzopardi waqt il-programm Realtà li jixxandar fuq TVM2 iżda dakinhar l-istazzjon ħass li ma kellux jirrapporta din ir-rivelazzjoni fl-aħbarijiet.   

Il-Partit Nazzjonalista qal li dan kien każ ta’ żbilanċ u kien juri kemm il-PBS kien qed ikun selettiv meta jirrapporta l-aħbarijiet. Il-Partit ikkontenda Ii għall-PBS dak żvelat mill-Onorevoli Jason Azzopardi ma kienx jikkostitwixxi aħbar, madankollu ir-rejazzjoni tal-Ministru għall-istess kienet aħbar u ġiet irrappurtata.  Żied li dan kien eżerċizzju ta’ gate keeping minn naħa tal-istazzjon.

Minn naħa tiegħu l-istazzjon qal li f’dan il-każ l-Awtorità kellha tara jekk is-servizz tal-aħbarijiet kienx żbilanċjat.  Żied li f’dan il-każ l-istazzjon minflok xandar dak li kien qal l-Onorevoli Jason Azzopardi kien xandar dak li kien intqal l-għada dwar l-istess tema mill-Kap tal-Oppożizzjoni f’attivita’ politika suċċessiva saħansitra bl-użu ta’ sound bite.

L-istazzjon qal li jekk wieħed kellu jifli l-introduzzjoni tar-rapport in kwistjoni kien evidenti li ma kienx minnhu li l-Ministru kien qed jirrejaġixxi għal dak li kien intqal mill-Onorevoli Jason Azzopardi iżda għal dak li kien qal il-Kap tal-Oppożizzjoni fl-attivita’ politika li kienet ġiet irrappurtata.

L-Awtorità wara li evalwat is-sottomissjonijiet li tressqu mill-partijiet in kwistjoni, u wara li l-membri kienu raw ukoll is-siltiet mill-bullettini tal-Aħbarijiet li saret referenza għalihom fl-ilment ikkonstatat il-fatti segwenti:

  • Huwa fatt li dak li kien intqal mill-kelliem tal-Opposizzzjoni dwar l-Intern, l-Onorevoli Dr Jason Azzopardi  fil-programm Realtà,  dwar il-pożizzjoni li kien ħa l-Ministru Manuel Mallia waqt id-diskussjonijiet bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni, ma kienx ġie rraportat fil-bullettin tal-Aħbarijiet ta’ dakinnhar stess. Madankollu fil-bullettin ta’ l-Aħbarijiet ta’ ġurnata ta’ wara,  ġie rraportat b’mod estensiv  dak li kien qal il-Kap tal-Oppożizzjoni dwar l-istess suġġett inkuż sound bite mal-istess Onorevoli Dr Simon Busuttil.
  • Fil-bulletin ta’ l-Aħbarijiet ta’ 27 ta’ Frar 2014 meta ġie rraportat dak li kien qal il-Ministru Manuel  Mallia fil-programm Dissett, li kien ixxandar dak in-nhar stess, l-istazzjon introduċa l-kumment tal-Ministru Mallia bir-riferenza għat-talba tal-Kap tal-Oppożizzjoni għar-riżenja tal-Ministru.
  • It-test użat mill-istazzjon fil-bullettin ta’ l-aħbarijiet li dwaru sar l-ilment ma jsostnix dak li allega l-Partit Nazzjonalista fl-ilment tiegħu li f’dan il-każ l-istazzjon kien qed jirraporta b’mod selettiv u li kien qed jiċċensura lil kull min jgħid xi ħaġa li tista timbarazza lill-Gvern Laburista.

In vista ta’ dawn il-konsidrazzjonijiet l-Awtorita` sabet li l-ilment imressaq mill-Partit Nazzjonalista ma kienx ġustifikat.


Illum  20 ta’ Marzu, 2014