Trinitarji FM - 5 u l-10 ta’ Marzu, 2018




Deċiżjoni dwar l-Akkuża fir-rigward ta’ Trinitarji FM - Galactic Time u Robert Music and Sports Show

L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront tal-istazzjon tal-komunità Trinitarji FM fejn ġie allegat ksur ta’ Paragrafu 3.3 hekk kif indikat fid-dokument tal-liċenzja dwar il-ħtiġijiet li għandu jkun hemm fil-programmar u t-trasmissjoni bi ksur ta’ Paragrafu 2(a)(ii) tal-Ewwel Skeda tal-Att Dwar ix-Xandir meta mir-rapporti li saru mill-moniteraġġ tat-trasmissjoni ta’ Trinitarji FM jirriżulta li waqt il-programm Galactic Time tal-5 ta’ Marzu 2018 u waqt il-programm Robert Music and Sports Show tal-10 ta’ Marzu 2018 kien hemm ksur tal-Att Dwar ix-Xandir minħabba li l-istazzjon irreklama u/jew ingħataw sponsorship ta’ negozji li kienu jaqgħu barra mill-akkwata ta’ fejn kien qed ixandar l-istazzjon.

L-Awtorità semgħet lill-Kap Eżekuttiv u lis-Sur Clint Baldacchino li deher f’isem u in rappreżentanza tal-istazzjon u li kien akkumpanjat mill-Avukat Charlon Gouder, f’seduta li nżammet fit-2 ta’ Mejju, 2018.

Minn naħa tiegħu s-Sur Baldacchino filwaqt li ammetta l-akkuża kontra l-istazzjon, skuża ruħu għan-nuqqas u qal li din kienet l-ewwel darba li l-istazzjon instab ħati ta’ ksur tal-obbligi fil-liċenzja. Żied li f’dan il-każ huwa ma kienx issorvelja il-kontenut li kien ser ixandar id-Disk Jockey.

Dr Charlon Gouder qal li stazzjonijiet ta’ dan it-tip kellhom riżorsi limitati ħafna u għalhekk faċli jkollhom jinqdew b’DJs li f’xi każi jabbużaw mill-airtime. Żied li f’dan il-każ l-istazzjon kien iddeċieda li jittermina l-arranġament mad-DJs in kwistjoni biex jevita li jkun hemm ripetizzjoni tal-problema. Inoltre l-istazzjon kien qed jimpenja ruħu biex jissorvelja aħjar il-kontenut.

L-Awtorità ħadet nota tas-sottomissjonijiet tal-partijiet in partikolari l-ammissjoni minn naħa tal-istazzjon u l-fatt li dan kien irrejaġixxa mill-ewwel u qablet li din kellha twiddeb lill-istazzjon sabiex ma jirrepetix tali nuqqas.

Illum 9 ta’ Mejju, 2018