Ilment mill-Partit Nazzjonalista
L-Awtorità kellha quddiemha ilment mill-Partit Nazzjonalista datat 16 ta’ Jannar, 2014 rigward il-programm TVAM li xxandar fuq TVM fis-16 ta’ Jannar, 2014 dwar allegat żbilanċ li nħoloq permezz ta’ intervista politika li saret liċ-Chairman Eżekuttiv tal-aġenzija tal-Gvern Identità Malta, Joe Vella Bonniċi dwar l-iskema tal-bejgħ taċ-ċittadinanza.
L-Awtorità semgħet lil Dr Karol Aquilina f’isem u in rappreżentanza tal-Partit Nazzjonalista fil-preżenza tas-Sur David Herrera Direttur tal-Informazzjoni u lil Dr Mark Vassallo f’isem u in rappreżentaza ta’ PBS Ltd., lis-Sur Reno Bugeja Editur u Kap tat-Taqsima tal-Aħbarijiet ta’ PBS Ltd. u l-ġurnalist Mario Xuereb li huwa parti mill-produzzjoni tal-programm TVAM f’seduta li nżammet fil-21 ta’ Jannar, 2014.
Min-naħa tiegħu, il-Partit Nazzjonalista ikkontenda li l-ilment kien jikkonċerna l-edizzjoni tal-programm TVAM tas-16 ta’ Jannar 2014 bil-parteċipazzjoni fl-istudjo taċ-Chairman Eżekuttiv tal-aġenzija tal-Gvern Identità Malta, Joe Vella Bonnici dwar l-iskema kontroversjali tal-bejgħ taċ-ċittadinanza. Żied li f’dan il-programm ma ġie mistieden l-ebda kelliem tal-Oppożizzjoni biex iwassal il-pożizzjoni tal-Oppożizzjoni rigward l-istess skema minkejja li kien diskuss suġġett li dwaru teżisti kontroversja politika, kif ukoll aspetti minn dan is-suġġett li huma ta’ kontroversja kurrenti. B’hekk it-telespettatur ma ngħatax il-veduti kollha dwar il-kwistjoni. Il-Partit Nazzjonalista qal li s-Sur Vella Bonnici minbarra li kien uffiċċjal tal-Gvern mhux biss tkellem dwar l-iskema u dwar il-pożizzjoni tal-Gvern iżda saħansitra għamel kummenti politiċi u ta’ kontroversja fl-assenza ta’ rappreżentant tal-Partit Nazzjonalista u kien għalhekk li Partit talab li minnufih jingħata rimedju effettiv skont il-liġi sabiex jagħmel tajjeb għall-iżbilanċ li nħoloq kontra l-istess Partit.
Minn naħa tiegħu l-istazzjon qal li l-ħsieb oriġinali tiegħu kien li jkollu żewġ slots f’żewg edizzjonijiet tal-programm TVAM li jittrattaw dan is-suġġett fejn fl-ewwel wieħed ikunu mistiedna żewġ opinjonisti filwaqt li fit-tieni wieħed l-istess suġġett ikun diskuss bejn żewġ rappreżentanti politiċi. Żied li fiż-żewġ każi l-istazzjon ried li l-għażla tal-parteċipanti tkun tirrifletti veduti kontrastanti. L-istazzjon qal li wara li l-mistiedna proposti irrifjutaw għal raġuni jew oħra li jaċċettaw l-invit biex jattendu għall-ewwel slot, u minħabba li kien tard wisq biex jiġu avviċinati opinjonisti oħra, kien deċiż li l-programm ikun wieħed informattiv b’parteċipant wieħed u ċioe s-Sur Vella Bonniċi li sa dak il-ħin kien l-uniku mistieden li kkonferma l-istedina. L-istazzjon qal li d-dispożizzjonijiet f’paragrafu 12.2 tal-Leġislazzjoni Sussidjarja 350.14 speċifikament tipprovdi li l-bilanċ jista’ jintlaħaq fuq serje ta’ programmi. Żied li hekk kif indikat fir-risposta li ntbagħtet lill-Partit Nazzjonalista fil-jiem suċċessivi, l-intenzjoni tal-istazzjon kienet li jistieden opinjonista li jirrappreżenta xejriet fl-opinjoni pubblika li kienu kontra l-iskema taċ-ċittadinanza. Barra minnhekk ixxandar programm l-għada b’żewġ parteċipanti li jirrappreżentaw il-partit fil-Gvern u l-partit fl-Oppożizzjoni.
L-Awtorità kkunsidrat dan l-ilment ai termini ta’ Artiklu 34 tal-Att dwar ix-Xandir, wara li kellha l-opportunità li terġa’ tara bir-reqqa s-silta tal-programm in kwistjoni, wara li ħadet konjizzjoni tas-sottomissjonijiet tal-partijiet u iddiskutiet fit-tul l-argumenti rilevati, u kkonstatat illi:
1. meta l-Partit Nazzjonalista lmenta mal-istazzjon dwar il-parteċipazzjoni taċ-Chairman ta’ Identità Malta waħdu fil-programm TVAM tas-16 ta’ Jannar fl-ewwel stadju, il-PBS, in vista tad-diffikultajiet li sab biex ikollu żewġ mistiedna li jirrapreżentaw l-ispettru kollu tas-suġġett fi programm wieħed, kien offra rimedju lill-Partit Nazzjonalista parteċipazzjoni ta’ persuna fil-programm TVAM biex twassal il-veduti kontrastanti dwar l-iskema taċ-ċittadinanza. Permezz ta’ din l-offerta jiġi assigurat li jitwasslu l-veduti kollha fuq medda ta’ programmi kif tippermetti l-liġi.
2. Il-parteċipazzjoni ta’ Uffiċjal tal-Gvern waħdu fil-programm, sakemm il-kontenut ikun wieħed ta’ informazzjoni minnha nnifisha ma tikkostitwixxix żbilanċ. Madanakollu, l-Awtorità irrilevat illi fl-edizzjoni in kwistjoni kienu saru xi kummenti ta’ natura kontroversjali li kienu jimmeritaw il-preżenza ta’ fehmiet differenti u dan sabiex it-telespettaturi jkunu ippreżentati biż-żewġ naħat tal-kontroversja.
3. Il-Liġi Sussidjarja 350.14 Paragrafu 12.2 tistipula li meta, kif sostna l-istazzjon, is-suġġett ikun ser jigi trattat f’żewġ programmi jew aktar li għandhom x’jaqsmu ma’ xulxin fl-istess serje, matul l-ewwel programm ix-xandâr għandu javża lit-telespettaturi bid-data ta’ meta ikun ser jixxandar il-programm l-ieħor. Fil-programm in kwistjoni, l-istazzjon naqas milli jinforma lit-telespettatur li s-suġġett kien ser ikompli jiġi diskuss f’edizzjonijiet oħra tal-programm u għalhekk it-telespettatur baqa’ mhux infurmat li l-veduti kontrastanti fuq is-suġġett kienu se jiġu trattati wkoll fl-istess programm (i.e. TVAM).
In vista ta’ dawn il-konsiderazzjonijiet, l-Awtorità, minkejja li bl-ebda mod ma riedet timpinġi fuq id-dritt tal-mistiedna fil-programm li jesprimu l-fehmiet u l-opinjonijiet tagħhom, tisħaq li huwa dmir tal-istazzjon illi, b’mod partikolari meta jiġu espressi fehmiet ta’ materja kontroversjali kellu jassikura li l-fehmiet kollha tal-ispettru jkunu ppreżentati u dan b’ħarsien sħiħ għall-prinċipju ta’ imparzjalità hekk kif protett bil-Kostituzzjoni u l-liġi ordinarja.
F’dan il-każ, l-Awtorita` qed tistenna li l-istazzjon jattwa l-offerta li għamel lill-Partit Nazzjonalista meta kien irċieva l-ilment, ċioe li fil-programm TVAM, mhux aktar tard minn ġimgħa mid-data ta’ din il-deċizjoni, tiġi mistiedna persuna biex tieħu parti fih waħedha u li tkun tista’ tressaq il-veduta kontrastanti għal dik li ġiet preżentata mill-mistieden ewlieni fil-programm tas-16 ta’ Jannar 2014.
Illum il-Ħamis, 30 ta’ Jannar 2014