TVM - Aħbarijet - 18 ta' Jannar 2021




Deċiżjoni dwar ilment mill-Partit Nazzjonalista fil-konfront ta’ PBS Ltd rigward l-aħbarijiet tat-18 ta’ Jannar 2021

 

L-Awtorità kellha quddiemha ilment li tressaq mill-Partit Nazzjonalista  dwar il-bulettin tal-aħbarijiet ta’ TVM tat-18 ta’ Jannar 2021 minħabba li ma xxandarx rapport dwar il-kawża li qed tistema’ fil-Qrati dwar il-bejgħ ta’ tliet sptarijiet pubbliċi, liema kawża inbdiet mill-ex Kap tal-Partit Nazzjonalista Dr Adrian Delia.  Il-Partit Nazzjonalista ilmenta li fl-istess kawża dakinhar kien xehed l-ex Prim Ministru Dr Joseph Muscat f’din il-kawża tal-Vitals.

 

Għall-Partit Nazzjonalista dehru virtwalment Dr Francis Zammit Dimech u Dr Karol Aquilina, filwaqt li s-Sinjura Norma Saliba u Dr Mark Vassallo dehru għall-PBS.

 

Dr Karol Aquilina qal li l-PBS ma xandar xejn dwar din il-kawża fl-aħbarijiet tat-18 ta’ Jannar 2021 u dak li instema’ fil-Qorti dwar il-bejgħ tal-isptarijiet pubbliċi. Qal li din hija kawża li infetħet mill-ex Kap tal-Partit Nazzjonalista Dr Adrian Delia u li dakinhar kien xehed ukoll l-ex Prim Ministru Joseph Muscat u instemgħet dwar il-garanzija li kien għamel il-Gvern u l-kwisjtoni dwar l-istate aid.  Dr Aquilina qal li din kienet irrapurtata fuq l-istazzjonijiet u l-media kollha ħlief għal TVM li għażel li jiċċensura kompletament dak li seħħ dakinhar. Qal li dan kien nuqqas min-naħa tal-PBS għaliex qed jaħbi din l-aħbar.

 

Min-naħa tiegħu Dr Zammit Dimech żied li l-PBS irid jara li qed josserva r-regoli tal-imparzjalità li joħorġu mill-Att dwar ix-Xandir imma wkoll ir-regoli tal-leġislazzjoni Sussidjarja li jiddefenixxu l-valur ta’ aħbar.

 

Għall-PBS, Dr Mark Vassallo qal li ġeneralment il-prassi li għandu l-PBS hija li jirraporta meta tinfetaħ kawża fil-Qorti u meta tingħalaq u qal li ma jistax ikun li jiġu rrapurtati x-xhieda kollha. Dr Vassallo qal li wieħed irid jifhem li hemm limitazzjonijiet ta’ kemm stazzjon jista’ jirraporta kull xhud f’kull każ. Qal li l-Partit Nazzjonalista qatt ma ilmenta dwar dan minkejja li dejjem kienet din il-prassi. Qal li wara kollox l-editur għandu r-responsabbilità u d-diskrezzjoni ta’ x’jiġi rrapurtat u x’jinkludi fil-bulettini tal-aħbarijiet.

 

L-Awtorità ħadet konjizzjoni ta’ dak li ġie ppreżentat u rat ukoll id-dokumenti u l-filmati relattivi. L-Awtorità qablet li x-xhieda li ta l-ex Prim Ministru kellha valur ta’ aħbar.  Qablet ukoll li l-kawża nnifisha wkoll kienet kawża importanti u ta’ interess nazzjonali u għalhekk il-PBS naqas meta ma xandarx ix-xhieda li kien ta l-ex Prim Ministru f’din il-kawża. Għaldaqstant l-Awtorità qablet li dan l-ilment għandu jiġi milqugħ u bħala rimedju qed tordna lill-PBS biex jaqra sunt ta’ din id-deċiżjoni hekk kif ġej :-


F’seduta li inżammet fit-28 ta’ Jannar 2021, l-Awtorità kellha quddiemha ilment imressaq mill-Partit Nazzjonalista fil-konfront ta’ PBS Ltd u dan wara li TVM naqas li jirraporta l-kawża li kienet qed tinstema’ fir-rigward tal-kawża tal- Vitals.  Il-Partit Nazzjonalista ilmenta li f’din is-seduta xehed l-ex Prim Ministru Dr Joseph Muscat dwar il-garanzija li kien għamel il-Gvern, liema seduta iżda ma ġietx irrapurtata minn TVM b’kuntrast mar-rapurtaġġ li sar mill-istazzjonijiet u l-media kollha.  Il-Partit Nazzjonalista ilmenta li dan kien nuqqas min-naħa tal-PBS u li jmur kontra r-regoli tal-imparzjalità hekk kif definiti fl-Att dwar ix-Xandir u kontra l-Leġislazzjoni Sussidjarja li tiddefenixxi l-valur ta’ aħbar. 

 

L-Awtorità qablet li x-xhieda tal-ex Prim Ministru f’din il-kawża kellha valur ta’ aħbar u l-PBS naqas meta ma xandarx rapurtaġġ ta’ din ix-xhieda li ta Dr Joseph Muscat.  Għaldaqstant l-Awtorità laqgħet l-ilment tal-Partit Nazzjonalista u bħala rimedju talbet biex tinqara din is-sunt tad-deċiżjoni.

 

                                                                                          24 ta’ Frar 2021