TVM - Aħbarijiet - 1 ta' Awwissu 2023




Deċiżjoni dwar l-ilment tal-Partit Nazzjonalista (“PN”) kontra PBS dwar l-aħbarijiet fuq TVM News nhar il-1 ta’ Awwissu 2023, rigward id-deċiżjoni tal-Qorti fuq l-iżvilupp f’Ħondoq ir-Rummien

 

L-Awtorità kellha quddiemha lment imressaq minn Dr Michael Piccinino fit-3 ta’ Awwissu 2023 kontra PBS Ltd minħabba l-mod ta’ kif ġiet imxandra l-istqarrija tal-PN relatata mad-deċiżjoni tal-Qorti dwar it-tema.

 

Dr Michael Piccinino qal li l-Kamra tal-Aħbarijiet irrappurtat  id-deċiżjoni tal-Qorti wara l-istqarrija tal-PL, fejn imbagħad kompliet bl-istqarrija tal-PN li ġiet segwita bi tweet ta’ Dr Robert Abela. Hu qal b’dan il-mod l-istqarrija tal-PN ġiet sandwiched bejn l-istqarrija tal-PL u t-tweet ta’ Dr Robert Abela. Qal ukoll li jekk il-Kamra tal-Aħbarijiet ħasset li t-tweet ta’ Dr Robert Abela kienet news worthy kien imissha rrapportata flimkien mal-istqarrija tal-PL u mhux wara l-istqarrija tal-PN. Dr Michael Piccinino qal ukoll li dan l-aġir mill-Kamra tal-Aħbarijiet tal-PBS qed iwassal biex il-messaġġ tal-PN jiġi mtaffi mill-effettività tiegħu u talab rimedju effettiv.

 

L-Inġ. Charles Dalli wieġeb għal dan nhar it-8 ta’ Awwissu 2023 u qal li l-PBS irrappurtat ir-reazzjoni tal-PN u tal-PL b’rabta ma’ dan il-fatt u dan biex tinżamm l-imparzjalità dovuta u l-bilanċ. Qal ukoll li l-istqarrijiet saru fi storja waħda u mhux fi stejjer separati u li fl-istess storja saret referenza wkoll għal stqarrija tal-Prim Ministru Dr Robert Abela b’referenza għall-istess deċiżjoni tal-Qorti dwar l-iżvilupp propost f’Ħondoq ir-Rummien. L-Inġ. Dalli kiteb li m’hemm l-ebda ġustifikazzjoni għal dan l-ilment u m’huwiex il-każ li jingħata forma ta’ rimedju.

 

Il-PN ma qabilx mar-risposta u talab proċediment tas-smigħ ai termini ta’ S.L. 350.06.

L-Awtorità appuntat is-smigħ għall-11 ta’ Settembru 2023 u dan wara oġġezzjoni miż-żewġ partijiet dwar id-dati preċedentement mogħtija li kienu s-6 ta’ Settembru u t-12 ta’ Settembru 2023. Għall-PN deher Dr Paul Borg Olivier li qal li l-ilment li ressaq is-Segretarju Ġenerali jitkellem għalih. Biss hu kien qed iżid ma’ dak li hemm. Qal li iżjed minn darba l-PBS tenna li tweets jew messaġġi fuq il-mezzi soċjali ma jikkostitwux  stqarrijiet  illi jiġu rrappurtati fl-aħbar. Qal li dato ma non concesso, l-PBS kemm -il darba ressaq dan l-argument fid-difiża tiegħu u semma wkoll tweets ta’ Donald Trump. Staqsa jekk l-istqarrija saritx fil-kapaċità ta’ partit jew bħala Prim Ministru u kompla li diġà kien hemm stqarrija mill-Partit Laburista. Hu kompla li l-ilment sar għax dak li ntqal mill-Prim Ministru kienet raġonevolment skuża sabiex il-messaġġ tal-Partit Nazzjonalista jiġi sandwiched mal-aħbar tal-Ħondoq għax il-Partit Nazzjonalista ħareġ stqarrija li attirat reazzjoni mill-Partit Laburista u mbagħad tweet tal-Prim Ministru. Dr Paul Borg Olivier qal li qed tiġi kontestata s-sekwenza u dan fid-dawl tas-sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali ta’ Frar 2023 rigward ir-reklami tal-baġit u segwa li dan għandu jiġi transportat fuq is-sekwenza tal-aħbarijiet li sistematikament jew intenzjonalment wieħed għandu jara li l-messaġġ tal-Partit Nazzjonalista ma jiġix mdgħajjef. Kompla li l-ewwel kien hemm l-istqarrija tal-Partit Laburista, mbagħad dik tal-Partit Nazzjonalista u sussegwentement ġabet l-istqarrija tal-Prim Ministru li ħoloq sens ta’ sandwiching li l-Qorti Kostituzzjonali diġà kienet aċċennat dwaru u l-ispirtu konness ta’ bilanċ fl-opinjonijiet li ma ġiex rifless. Saħaq li l-PBS stess għal diversi drabi nsista li l-istqarrijiet fuq il-mezzi soċjali ma jikkostitwux aħbar, it-tweet tal-Prim Ministru li ma kenitx stqarrija pubblika tal-Gvern kif ingħad, kien se mai imissha ġiet l-ewwel segwita minn dik tal-Partit Laburista u dik tal-Partit Nazzjonalista u dan sabiex jinħoloq bilanċ. Hu rrefera għal deċiżjonijiet preċedenti tal-Prim’ Awla u tal-Qorti Kostituzzjonali li rrikjedew illi l-bilanċ jintlaħaq. Dr Paul Borg Olivier qal li tkun assurda jekk apparti stqarrija tal-Partit Nazzjonalista għandux allura joħroġ stqarrija l-Kap tal-Oppożizzjoni wkoll sabiex jintlaħaq bilanċ. Hu kkonkluda li l-ispirtu legali skond Kap.350, mnebbaħ minn artiklu 119 tal-Kostituzzjoni u l-liġijiet sussidjarji jissalvagwardjaw is-sens ta’ bilanċ li speċjalment ix-xandar pubbliku, li għandu l-istess obbligi, kiser għax dgħajjef il-messaġġ tal-Partit Nazzjonalista bil-mod ta’ kif dan ġie mxandar kontra dan l-ispirtu tal-Qorti Kostituzzjonali f’sitwazzjonijiet analogi.

L-Inġ. Charles Dalli wieġeb b’distinzjoni bejn rapport ta’ aħbarijiet u messaġġ li skond hu Dr Paul Borg Olivier sejjaħ bħala reklam. Qal li nhar l-1 ta’ Awwissu r-rapport ilmentat kien storja li tagħlaq l-aspetti kollha fi storja waħda u li ma kienx hemmx sekwenzi ta’ stejjer. Qal li l-PBS ta rapport tal-aħħar żvilupp u kien hemm 3 veduti msemmija ċara, cioè  x’qalu ż-żewġ partiti u t-tweet tal-Prim Ministru. L-Inġ. Charles Dalli qal li t-tweet ma kenitx qed issir minn kwalunkwe individwu iżda kienet tweet ta’ Prim Ministru li fiha merti oħra u li għandha tiġi rrappurtatha. Kompla li ma jaqbilx mal-ilment inkwantu l-allegazzjoni tas-sandwiching  u l-argumenti mressqa minn Dr Paul Borg Olivier. Ikkonkluda li x-xandar ma għandux ikollu pressjoni dwar kif għandha tinkiteb storja.

Dr Shaun Zammit, bħala r-rappreżentant legali ta’ PBS, qal li l-Awtorità għandha tissindika jekk storja kif ġiet ippubblikata hix żbilanċjata u hemmx imparzjalità. Qal li meta bniedem qed jisma’ l-aħbar, dan mhux se jhewden jekk il-messaġġ intefax fin-nofs iżda se jara l-istorja kollha. Jekk l-ilment jintlaqa’ jfisser li l-kamra tal-aħbarijiet qed tiġi kkontrollata dwar kif se twassal l-aħbar anke jekk din tkun bilanċjata u mparzjali.

Dr Paul Borg Olivier irribatta li kull persuna għandha d-dritt li tissindika dwar id-dritt ta’ kif tiġi mxandra l-aħbar u li dan l-eżerċizzju kien diġà sar mill-istess Bord f’ilmenti preċedenti. Qal li artiklu 119 tal-Kostituzzjoni ma jagħtix biss l-element tal-imparzjalità iżda wkoll dak tal-bilanċ. Għaldaqstant insista li huwa d-dover tal-Awtorità li jissindika l-aħbarijiet sabiex tara li tassew is-semmiegħ ikollu ċ-ċans illi jifhem, jixtarr u jibbilanċja ż-żewġ pożizzjonijiet. Qal li fil-kuntest tar-reklam,  meta messaġġ tagħmlu sandwiched, huwa ben magħruf kif jiġi nfluwenzat u assimilat min jisma’ l-aħbar. Qal li l-effett finali fuq is-semmiegħ irid jiġi analizzat fid-dawl ta’ dan u kien għalhekk li ssemmiet l-analoġija tar-reklami tal-baġit, għax f’dik is-sentenza kien hemm l-effett finali fuq is-semmiegħ. Kompla li anke kieku kellu jiġi aċċettat illi tweet għandha tiġi rrappurtata għax mill-Prim Ministru, allura l-Prim Ministru jieħu preċedenza fuq l-istqarrija tal-partiti u għaldaqstant ix-xandar ried jibda’ bl-istqarrija tal-Prim Ministru u jsegwi b’dik tal-Partit Laburista u dik tal-Partit Nazzjonalista. Għamel ukoll referenza għal dik li hija l-intenzjoni li l-messaġġ jiġi mdgħajjef u li il-‘kif’ (jiġi mxandar l-aħbar) kien diġà ġie ssindikat, b’referenza għall-aħbar tal-kommozzjoni fil-parlament relatat ma’ Jean Paul Sofia. Dr Paul Borg Olivier qal li hemmhekk, minkejja li l-Partit Nazzjonalista ma qabilx mar-rimedju, l-Awtorità ssindikat ‘kif’ ingħatat l-aħbar għax l-element viżiv fl-aħbar kien daqstant importanti. Ikkonldua li l-‘kif’ f’dan il-każ wassal għal parzjalità fil-mod ta’ kif twassal il-messaġġ għand it-telespettatur.

L-Inġ. Charles Dalli qal li b’dak li qed jisma’ l-‘kif’ aħbar għandha tiġi rrappurtata qed allura tiġi ddettata. Dr Paul Borg Olivier wieġeb li dak trid tarah l-Awtorità.

Mistoqsi mill-Awtorità jekk kienx hemm oġġezzjoni dwar il-kontenut, Dr Paul Borg Olivier wieġeb li dwar dan ma hemmx ilment.

Wara li kkunsidrat l-argumenti mressqa, l-Awtorità għaddiet biex tiddetermina l-ilment. Filwaqt li s-sekwenza kif ukoll il-valur tal-aħbar huma żewġ elementi li l-editur għandu diskrezzjoni fuqhom, l-Awtorità tasserixxi d-dritt tagħha li tanalizza jekk dawn l-elementi jkunux ġew ikkunsidrati b’ġenwinità u dan skond ix-xandira finali u r-riżultat li din toħloq. L-Awtorità nnutat li l-Partit Nazzjonalista kkonċeda li t-tweet kienet waħda uffiċjali tal-Prim Ministru u bbaża l-ilment fuq is-sekwenza. L-Awtorità tħoss li r-rapport laħaq l-element ta’ bilanċ. Madankollu, peress li f’dan ir-rapport ġuridiku-politiku saret departenza minn norma u cioè l-ordni, priorità jew sekwenza li tixxandar l-aħbar, l-Awtorità fliet b’iżjed reqqa jekk ix-xandira kenitx imparzjali fir-riżultat li ħolqot. Filwaqt li ma ġiex ikkontestat jekk it-tweet kienx uffiċjali minn  Dr Robert Abela bħala Prim Ministru ta’ Malta, jekk il-messaġġ kellux valur t’aħbar jew jekk kellux jixxandar, l-Awtorità tħoss li din id-departenza minn norma rigward is-sekwenza kif ukoll in-nuqqas ta’ kjarezza mix-xandar, naxxenti minn policy tal-PBS, nħoloq konvejentament leżjoni fil-prinċipju tal-imparzjalità. Għaldaqstant qed tilqa’ l-ilment tal-Partit Nazzjonalista u tiggwida lix-xandar jirrimedja s-sitwazzjoni billi jippreżenta policy aġġornata li tinkludi r-rappurtaġġ mill-mezzi soċjali, tali dokument irid jiġi preżentat fit-terminu ta’ erba’ ġimgħat u mgħoddi lill-Awtorità fi żmien ġimgħa minn kull modifika.

 

14 ta’ Settembru 2023

Smigħ 12/2023 Numru 1

Ref: 81/23