Deċiżjoni rigward ilment imressaq minn Dr Michael Piccinino kontra l-aħbarijiet ta’ TVM tal-1 ta’ Settembru 2024 rigward nuqqas ta’ rappurtaġġ u prominenza ugwali fir-rigward tal-pożizzjoni ta’ Dr Piccinino rigward il-kariga ta’ Segretarju Ġenerali
L-Awtorità tax-Xandir kellha quddiemha lment imressaq minn Dr Michael Piccinino, Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista rigward l-aħbarijiet ta’ TVM li xxandru fl-1 ta’ Settembru 2024. Minħabba nuqqas ta’ rappurtaġġ u prominenza ugwali meta l-PBS irraporta t-tluq tiegħu minn Segretarju Ġenerali tal-PN b’kuntrast mal-fatt li Dr Ramona Attard, President tal-Partit Laburista ma kinitx ser terġa’ tikkontesta għall-kariga ta’ President tal-partit.
Il-Bord tal-Awtorità tax-Xandir skeda s-smigħ għal nhar it-12 ta’ Settembru 2024 iżda dan ġie differit għas-17 ta’ Settembru 2024 minħabba n-nuqqas ta’ disponibbiltà tar-rappreżentant legali ta’ PBS.
Għas-smigħ tas-17 ta’ Settembru 2024 deher Dr Michael Piccinino nnifsu kif ukoll l-Editor-in Chief l-Inġ. Charles Dalli, il-Kap tal-Kamra tal-Aħbarijiet is-Sur Owen Galea u r-rappreżentant legali tal-PBS Dr Mark Vassallo.
Dr Michael Piccinino qal li meta l-avukat Ramona Attard ħabbret li mhux se tkun qed tikkandida ruħha, PBS għamel servizz tal-aħbarijiet estensiv dwar dak li qalet hi fuq il-mezzi soċjali. F’dak il-bulettin kien hemm inkluż id-dikjarazzjoni li għamel il-Prim Ministru dwar it-tema. Spjega li fir-rappurtaġġ ġie rrapurtat dak li qalet Dr Attard fuq il-facebook post tagħha. Qal ukoll li Dr Ramona Attard tat raġunijiet estensivi għaliex mhix se tikkontesta u li PBS ittratta dawn il-punti. Wara xi ġimgħat is-Sunday Times of Malta tal-1 ta’ Settembru 2024, ħabbar li Dr Piccinino se jkun qed iwarrab mill-kariga ta’ Segretarju Ġenerali u rrapurtaw ukoll ir-reazzjonijiet ta’ Dr Michael Piccinino innifsu kif ukoll Dr Piccinino tella’ wkoll facebook post fuq il-mezzi soċjali. Madanakollu Dr Piccinino qal li l-PBS injora għal kollox dawn ir-reazzjonijiet tiegħu kuntrarju għal dak li seħħ fil-każ ta’ Dr Ramona Attard. Qal li għaldaqstant il-PBS ma tax l-istess prominenza lis-Segretarju tal-Partit fl-Oppożizzjoni. Dr Michael Piccinino argumenta li bħala persuna li mhix se tikkontesta elezzjoni Dr Ramona Attard ġiet imsemmija fir-rappurtaġġ b’mod estensiv ħafna, iżda PBS irid jispjega għaliex l-aħbar tagħha kellha valur ta’ aħbar mentri tiegħu le.
Dr Mark Vassallo wieġeb li Dr Ramona Attard għamlet l-istqarrija hi stess permezz ta’ post fuq il-mezzi soċjali. Rigward il-każ ta’ Dr Piccinino, Dr Vassallo qal li l-PBS irrapporta dak li ntqal waqt intervista lill-Kap tal-Oppożizzjoni meta ġie mistoqsi dwar Dr Michael Piccinino, peress li kien issemma fuq rapport fuq is-Sunday Times of Malta. Dr Vassallo spjega li “mistoqsi” kienet qed tirreferi għall-mistqosija li saret mill-ġurnalist li kien qed jintervista lil Dr Bernard Grech waqt din l-istess intervista li kienet tagħmel parti mill-attività politika tal-Ħadd.
Dr Michael Piccinino kkjarifika li kien hemm dikjarazzjoni ta’ Dr Ramona Attard u tiegħu. Filwaqt li PBS għamel feature sħiħ dwar x’qalet hi, li kienet relevanti ħafna, u li skont hu PBS għamel sew li rrapporta dan, biss però l-istazzjon ma xandarx dak li qal is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista kif għamel fil-każ ta’ Dr Ramona Attard. Kompla li l-PBS għamel storja fuqu u mhux fuq dak li qal u li jaħseb hu.
Dr Mark Vassallo insista li wieħed irid jagħmel timeline ta’ kif seħħew l-affarijiet u mhux paragun bejn storja u oħra. Qal li feġġet l-aħbar fis-Sunday Times of Malta ta’ nhar l-1 ta’ Settembru 2024, fl-istess ġurnata Dr Bernard Grech ġie mistoqsi dwar din it-tema u l-PBS irrapporta dwar din ir-risposta.
Wara li l-partijiet telqu mis-seduta l-Bord iddiskuta dan l-ilment.
Il-Bord innota li minkejja li r-rapporti kienu nħarġu u l-każ kien ġie rrapurtat tramite dak li qal Dr Bernard Grech fl-intervista, kien hemm trattament differenti għal ċirkustanzi simili. Il-Bord innota wkoll il-kwalità tar-rappurtaġġ u kkonkluda li ż-żewġ rappurtaġġi kienu mxandra b’mod differenti minkejja li ż-żewġ każijiet kienu simili. Il-Bord ħass li filwaqt li f’rappurtaġġ minnhom inġiebu l-kummenti ta’ Dr Ramona Attard innifisha, fil-każ ta’ Dr Michael Piccinino nġiebu biss dak li qal Dr Bernard Grech dwar Dr Piccinino u mhux dak li Dr Piccinino stess ikkummenta. Għaldaqstant il-Bord laqa’ l-ilment. Bħala rimedju b’hekk qed jordna lill-istazzjon ixandar il-konklużjoni ta’ din id-deċiżjoni fi żmien jumejn (2) mid-data tad-deċiżjoni.
27 ta’ Settembru 2024
Smigħ 12_24
Ref.:40/24