Deċiżjoni rigward ilment mill-Partit Nazzjonalista kontra PBS Ltd rigward l-aħbarijiet ta’ TVM tat-12 u 13 ta’ April 2023 dwar in-nuqqas ta’ rappurtaġġ tal-omm dwar il-każ ta’ Jean Paul Sofia
L-Awtorità kellha quddiemha lment imressaq mill-Partit Nazzjonalista kontra l-aħbarijiet tal-PBS tat-12 u t-13 ta’ April 2023 dwar il-każ ta’ Jean Paul Sofia. Preżenti għas-smigħ li nżamm fl-4 ta’ Mejju 2023, attendew is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Dr Michael Piccinino u Dr Francis Zammit Dimech u dehru l-Editor in Chief tal-PBS l-Inġ. Charles Dalli u Dr Mark Vassallo f’isem u in rappreżentanza tal-PBS.
Għall-Partit Nazzjonalista Dr Michael Piccinino ppreżenta s-sottomissjonijiet u ta kuntest għall-ilment fuq dak li ġara dwar it-tqegħid ta’ ritratt ta’ Jean Paul Sofia fi Pjazza Kastilja, il-pubblikazzjoni tal-istqarrija b’reazzjoni tal-Partit Nazzjonalista u l-ittra li l-Prim Ministru kiteb lill-Prim Imħallef jitlob biex l-inkjesta maġisterjali tiġi konkluża fi żmien qasir. Dr Michael Piccinino qal li l-Partit Nazzjonalista lmenta li l-mod kif ġiet ippreżentata din l-aħbar ġiet ridotta għal battibekk bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni filwaqt li ġiet injorata l-veduta ta’ omm Jean Paul Sofia. Dr Michael Piccinino qal li minħabba li tneħħa l-lat uman marbut ma’ din l-istorja, il-PBS irrenda r-rappurtaġġ b’mod partiġġjan. Għall-Partit Nazzjonalista, Dr Francis Zammit Dimech kompla li l-PBS kellu jagħti l-veduti kollha dwar dan il-każ u qal li saħansitra l-punt tat-tluq ta’ dan ir-rappurtaġġ kellu jkun il-karba tal-omm.
Għall-PBS Dr Mark Vassallo qal li l-iskop tal-ilment qed jiġġebbed iżżejjed fid-dawl tal-Leġislazzjoni Sussidjarja. Qal li f’dan l-ilment il-Partit Nazzjonalista qed jilmenta fuq xi nuqqas li sofriet omm Jean Paul Sofia u mhux xi nuqqas li sofra l-Partit Nazzjonalista. Qal li l-PBS ma kellu l-ebda intenzjoni jaħbi x’qed tgħid l-omm u spjega li fis-servizz intqal kollox dwar dan il-każ anke dak li qal il-Kap tal-Oppożizzjoni dwar it-tneħħija tar-ritratt ta’ Jean Paul Sofia. Dr Mark Vassallo spjega li meta l-omm għamlet kuntatt mal-kamra tal-aħbarijiet fis-17 ta’ April u fl-1 ta’ Mejju, iż-żewġ każijiet marbuta u xprunati minn omm Jean Paul Sofia ġew irrappurtati fl-aħbarijiet tal-PBS.
Wara li l-Awtorità semgħet is-sottomissjonijiet u d-dokumenti relatati mal-każ u ddiskutiet dan l-ilment, rat dan li ġej:-
- Li dan l-ilment imressaq mill-Partit Nazzjonalista kien jittratta n-nuqqas ta’ rappurtaġġ tal-omm f’dan il-każ partikolarment meta tqiegħed ritratt quddiem Pjazza Kastilja.
- L-Awtorità rat li l-aħbar dwar il-kwistjoni tar-ritratt li tpoġġa fi Pjazza Kastilja minn omm Jean Paul Sofia, ġiet irrappurtata permezz ta’ stqarrija tal-Kap tal-Oppożizzjoni fil-bulettin tal-aħbarijiet tat-13 ta’ April.
- L-Awtorità rat li dan il-każ kien irrappurtat fl-intier tiegħu fil-bulettin tat-13 ta’ April hekk kif kien qed jiżviluppa, bit-talba tal-Prim Ministru biex l-inkjesta maġisterjali titħaffef u bir-reazzjonijiet differenti dwar dan fosthom reazzjonijiet dwar it-tneħħija tar-ritratt ta’ Jean Paul Sofia minn Pjazza Kastilja.
- L-Awtorità rat ukoll li l-PBS irrapporta lill-omm Jean Paul Sofia f’rappurtaġġ ieħor aktar tard matul ix-xahar, meta l-omm kompliet tagħmel l-argumenti tagħha dwar il-każ ta’ binha.
Fid-dawl ta’ dan l-Awtorità ma laqgħetx l-ilment tal-Partit Nazzjonalista u għaldaqstant ma kienx hemm lok ta’ rimedju. Rat li dan is-suġġett u l-veduti tiegħu ġew irrappurtati fl-intier tagħhom u hekk kif kompla jiżviluppa l-każ.
16 ta’ Mejju 2023